Saturday, May 4, 2024

Illum Malta tilgħab partita ta’ ħbiberija kontra Azerbaijan

Aqra wkoll

Għall-partita ta’ ħbiberija li se tintlagħab illum bejn Malta u Azerbaijan, fl-Ista­dium Nazzjonali, il-bieraħ ġiet organizzata konferenza tal-aħbarijiet li saret fis-sala tal-konferenzi tal-istess Stadium Nazzjo­nali. 

L-ewwel kelliem kien il-coach nazzjo­nali, Devis Mangia, li kien kien ferm pożittiv fil-kummenti tiegħu fejn sostna li għandu fiduċja assoluta fil-players tiegħu u jem­men li kapaċi jagħtu wirja kif mixtieqa filwaqt li jinkiseb ukoll riżultat pożittiv kontra l-avversarji tal-lum. 

Huwa rrimarka wkoll b’ċerta insistenza li nnota ċerta differenza fil-livell u l-intensitá tal-players Maltin li jilagħbu barra minn xtutna għal dawk li qed jilagħbu f’pajjiżna u saħaq li għalhekk hemm lok għal titjib speċjalment fil-fiżika ta’ dawk il-players li jilagħbu fil-Kampjonat Premier. 

Fir-rigward tal-players disponibbli għall-partita tal-lum huwa qal li Cain Attard biss se jkun indispost minħabba li ma jinsabx fl-aqwa kundizzjoni possibbli. 

Dan filwaqt li teżisti wkoll possibbiltá li l-player James Brown, li jilgħab ma’ St Johnstone fil-Premiership Skoċċiż, jingħata d-debutt bil-flokk nazzjonali. 

Barra minn hekk, huwa kellu kliem ta’ tifħir għall-coach ta’ Azerbaijan, il-kompat­rijott Taljan, Gianni De Biasi, li qal li l-karriera tiegħu ta’ coach titkellem waħedha hekk kif kiseb suċċess kemm fis-Serie A kif ukoll fuq bażi ta’ team nazzjonali mal-Albanija fejn wassalhom sal-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-2016.

It-tieni kelliem  kien l-ex player ta’ Hamrun Spartans li f’Jannar li għadda ngħaqad ma’ AC Siena li jilagħbu fis-Serie C (B) fl-Italja, Matthew Guillaumier. 

Huwa tenna li qed ikollu staġun pożittiv ma’ Siena bil-futur għal dan il-club jidher li huwa wieħed sabiħ. 

Fir-rigward tal-logħba tal-lum qal li jemmen fi prestazzjoni pożittiva fejn faħħar l-istili u l-metodi tattiċi tal-coach Mangia u fuq kollox l-ambjent bejn il-players huwa wieħed san għall-aħħar. 

Intant l-iskwadra tat-team nazzjonali hija:

Goalkeepers: Henry Bonello (Hamrun S); Matthew Calleja Cremona (Hibernians); Jake Galea (Balzan)

Difensuri: Enrico Pepe (Birkirkara); Andrei Agius Ferdinando Apap (Hibernians); Steve Borg, Karl Micallef (Hamrun S.); Zach Muscat (Casa Pia – Portugall); James Brown (St. Johnstone – Skozja); Jean Borg, Triston Caruana (Valletta);

Midfielders: Cain Attard (Birkirkara); Ryan Camenzuli, Brandon Diego Paiber, Adam Magri Overend (Floria­na); Nikolai Muscat, Steven Pisani, Nevin Portelli (Gzira U.); Joseph Mbong (Hamrun S); Dunstan Vella (Hibernians); Teddy Teuma (St Gilloise – Belġju); Matthew Guillau­mier (Siena – Italja);

Attakkanti: Paul Mbong, Luke Montebello (Birkirkara); Jan Busuttil (Floriana); Jurgen Degabriele, Jake Grech (Hibernians); Alexander Satariano (US Pergolettese  – Italja)

Il-partita se tintwera diretta fuq TVM News+, fis-7.00 pm.

Sport