Monday, April 29, 2024

Illum u għada jintlagħab it-tieni leg tal-kwarti-finali tal-UCL

Aqra wkoll

Bejn illum u għada jintlagħab it-tieni leg tal-kwarti-finali tal-UEFA Champions League fejn ikunu magħrufa l-erba’ semi-finalisti ta’ din il-kompetizzjoni tant prestiġjuża. 

Mill-erba’ partiti, Barcelona jibdew favoriti li javvanzaw għal mal-aħħar erbgħa meta jospitaw  lil Paris St-Germain wara li f’Pariġi kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2 … għalkemm il-football huwa mprevidibbli u kollox jista’ jseħħ. 

Ma tkun l-ebda sorpriża li t-tliet logħbiet l-oħra jidħlu fil-ħin barrani jew jingħataw il-pe­nalties minħabba li huma ferm bilanċjati. 

Minħabba l-fatt li r-regola tal-goals away ġiet abolita f’każ li l-aggregate jintemm bl-iskor indaqs, jingħata l-ħin barrani u jekk ma jiġix deċiż ir-rebbieħ, jingħataw il-penalties.  

ILLUM

BORUSSIA DORTMUND v ATLETICO MADRID (1-2)

Borussia Dortmund jippruvaw idawru l-iskor favur tagħhom hekk kif jibdew dan it-tieni leg ta’ din il-kwart-finali fi żvantaġġ ta’ 2-1 kontra Atletico Madrid. 

L-Ispanjoli rebħu dan il-konfront ferm bilanċjat, li ntlagħab fil-Wanda Metropolitano, wara li Rodrigo De Paul fetaħ l-iskor (4) biex imbagħad irduppjaw permezz ta’ Samuel Lino (32). Iżda Sebastian Haller (81) ta tama ġdida lill-Ġermaniżi. 

Min-naħa ta’ Atletico, dawn jinsabu waħedhom fir-raba’ post ta’ La Liga iżda l-istaġun għalihom qed jitqies bħala wieħed diżappuntanti jekk fuq kollox ma jirbħux dan l-unur tant prestiġjuż.

Għal dan il-konfront, huma mistennija jinżlu b’tattika difensiva biex jamministraw il-partita u joperaw bil-kontrattakki. 

Immexxija mill-coach, Edin Terzic, Dortmund għandhom neqsin lil  Ramy Bensebaini u Samuel Bamba filwaqt li Samuel Lino u Memphis Depay  mhux se jilagħbu għal Atletico … minħabba li kollha jinsabu mweġġgħin.

BARCELONA v PARIS ST-GERMAIN (3-2)

Barcelona jimmiraw li jkomplu jibnu fuq ir-reb­ħa ta’ 3-2 li rreġistraw kontra Paris St-Germain fil-Parc des Princes biex illum ikollhom il-vantaġġ psikoloġiku meta jilagħbu quddiem il-partitarji tagħhom stess.  

It-team immexxi mill-coach, Xavi Hernandez,  ħareġ rebbieħ bi tliet goals skorjati minn Raphinha (37, 62) u Andreas Christensen (77) minkejja li Ousmane Dembele (48) u Vitinha (50) taw vantaġġ temporanju ta’ 2-1 lill-Pariġini. 

Il-coach ta’ PSG, Luis Enrique, saħaq dwar konċentrazzjoni massima għal din il-partita u fuq kollox li ma jerġgħux jiġu ripetuti żbalji difen­sivi. 

Huma ma kinux involuti fil-kampjonat fi      tmiem il-ġimgħa u għalhekk setgħu jistrieħu għal dan il-konfront.

B’kuntrast, fil-kampjonat domestiku Barcelona ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 għand Cadiz biex baqgħu tmien punti taħt il-leaders Real Madrid.  

Xavi ma jistax jinkludi lil Andreas Christensen u Sergi Roberto minħabba li huma sospiżi.

Paris St Germain ma jistgħux jagħmlu użu minn  Nordi Mukiele, Layvin Kurzawa, Sergio Rico u Presnel Kimpembe li qed jirkupraw minn injury. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport