Illum u għada jintlagħab l-ewwel leg tas- semi-finali tal-UEFA Champions League hekk kif kollox huwa miftuħ għal kull riżultat u ħadd mill-erba’ timijiet ma huwa favorit, tant, li ż-żewġ konfronti jistgħu jmorru fil-ħin barranin meta jintlagħab it-tieni leg.
Iż-żewġ partiti jibdew fid-9.00 pm.
Arsenal v Paris St-Germain (illum) – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li qatt ma rebħu din il-kompetizzjoni.
Filwaqt li Arsenal kienu tilfu l-finali kontra Barcelona 2-1, fl-2006, il-Pariġini sfaw megħluba minn Bayern Munich 1-0, fl-2020.
Għaldaqstant, iż-żewġ timijiet qed jimmiraw li jikkwalifikaw għall-finali fit-tentattiv biex, fil-31 ta’ Mejju, jgħollu t-tazza fl-Allianz Arena għall-ewwel darba.
Il-Gunners għaddew għas-semi-finali wara li eliminaw lil Real Madrid fejn il-manager, Mikel Arteta, għandu team b’bilanċ qawwi bejn żgħażagħ b’enerġija u players b’esperjenza. Bukayo Saka, Martin Odegaard u Declan Rice huma l-pern tal-konsistenza u jistgħu jkunu kruċjali fil-kawża tagħhom.
Min-naħa tagħhom, Paris St-Germain eliminaw lil Aston Villa, iżda ġejjin minn telfa f’darhom kontra Nice fil-kampjonat Franċiż li kienet l-ewwel waħda f’dan l-istaġun.
Issa wieħed irid jara kif se jirrispondu mentalment għal din it-telfa.
Barcelona v Inter (għada) – Din hija partita bejn żewġ timijiet li diġá rebħu dan l-unur – Barcelona ħames darbiet u Inter tliet darbiet.
Matul din il-ġimgħa iż-żewġ timijiet kellhom fortuni diversi. Filwaqt li l-Katalani rebħu t-Tazza Spanjola meta fil-finali għelbu lil Real Madrid bl-iskor ta’ 3-2, in-Nerazzurri sfaw eliminati fis-semi-finali tal-Coppa Italia meta tilfu kontra Milan bl-iskor ta’ 3-0.
Huma jridu jinsew din il-ġimgħa minħabba li sofrew tliet telfiet, bit-tnejn l-oħra jkunu fis-Serie A kontra Bologna u Roma biex ċedew l-ewwel post lil Napoli.
Min-naħa tagħhom, Barcelona, qed jimmiraw għat-Treble. Peró Inter iridu jpattu għad-diżappunt li sofrew fl-aħħar jiem.