Saturday, May 4, 2024

Imħabbar ftehim mal-importaturi biex ikollna biżżejjed ħażna tal-ikel u prezzijiet stabbli

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waqt intervista li saret f’Teatru Orpheum, il-Gżira, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal huwa possibbli li jwettqu l-miżuri li qed jipproponu għaliex magħhom taf fejn qiegħed. Dan apparti mill-fatt li hemm track rekord ċar li jitkellem għalihom.

“Dak kollu li wegħdna implimentajnih, u hekk se nkomplu nagħmlu. Biss biss insemmi miżura waħda li konna wegħda  fl-2017 – dik li nżidu l-pensjonijiet. Mhux talli żidnihom, talli żidnihom b’aktar milli konna wegħdna. Din id-darba, jekk qed nitkellmu fuq il-pensjonijiet, iż-żieda li qed inwiegħdu hija iktar minn dik li wegħdna fil-leġiżlatura li għaddiet.”

Dr Abela qal li jekk wieħed jaqbad l-1,000 proposta li għandhom fil-manifest elettorali u jinġabru taħt kappa waħda, kollha jitkellmu dwar kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Huwa ta’ ftit eżempji konkreti ta’ kif uħud mill-miżuri jolqtu  lill-familji jew l-individwi. Hawnhekk semma x-xenarju ta’ koppja li għandhom żewġt itfal taħt is-16-il sena u l-koppja jaħdmu t-tnejn li huma.  Semma l-proposta taċ-children’s allowance fejn titkellem dwar żieda ta’ €450 fuq medda ta’ ħames snin. Hawnhekk qal li se jkunu qed jagħtu żieda ta’ €90  għal ħames snin. Dr Abela spjega sew li ż-żieda komplessiva mhix se tkun ta’ €450 imma fuq żewġt itfal din iż-żieda, ikkumparata ma’ tal-lum, ta’ €2,700 fuq leġislatura.

Tkellem ukoll dwar it-tieni proposta li titkellem dwar tax refund u t-twessigħ tat-tax benefit. Semma wkoll l-in work benefit fejn se jkunu qed iwessgħuh b’€200 u qal li hemmhekk ukoll se jużaw l-istess prinċipju li jintuża fiċ-children’s allowance. Dan ifisser li mhux se jkunu qed iħallu erba’ snin jgħaddu u mar-raba’ sena jintroduċu l-€200 iżda se jkunu qed jagħmlu €50 żieda kull sena, it-tieni sena €50 u €50, it-tielet sena €50 għal tliet darbiet.  Dan ifisser li t-total tat-twessigħ tal-inwork benefit għal din il-koppja se jkun ta’ €1,000 fuq il-medda tal-leġiżlatura li jmiss.

Ta wkoll xenarju ieħor ta’ koppja b’wild wieħed li d-dħul tagħhom flimkien huwa ta’ €60,000  fis-sena. Hemmhekk jekk wieħed jaqbad il-miżuri li ssemmew aktar qabel u tgħaqqadhom flimkien, din il-koppja se tesperjenza titjieb ta’ flus fil-but ta’ €5,000 fuq medda ta’ leġiżlatura.

Hemm diversi eżempji li jistgħu jissemmew imma l-prinċipju jibqa’ wieħed – dak tat-tijib tal-kwalità tal-ħajja u kif dawn il-miżuri se jħallu impatt pożittiv fuq il-poplu.

Dr Abela qabbel il-manifest tal-PL ma’ dak tal-PN u hawnhekk qal li mal-PN mhux talli ma tafx fejn qiegħed magħhom, talli huwa ċar li mal-PN se tmur agħar. Irrefera għall-fatt li l-PN qal li ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa mhumiex se jqassmuhom iżjed.  “Mal-PN mhux biss ma tafx fejn qiegħed talli saħansitra tmur lura,” qal Dr Abela filwaqt li qal li 96% tal-ħaddiema bil-proposti tal-PN se jkunu qed imorru lura minflok il-quddiem.  F’dan ir-rigward, qal li m’hemmx dubju li dak li qed jippoponu bħala PL huma miżuri ċari, costed, taf biċ-ċert li se jiġu implimentati u mhumiex miżuri bit-termini u l-kundizzjonijiet. 

Dwar iż-żieda fil-prezzijiet, Dr Abela qal li jekk il-poplu jerġa’ jislifhom il-fiduċja, se jkunu qed jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jibqgħu jipproteġu lill-poplu. Qal li din hija garanzina b’mod ċar li qed jagħtu.

Hawnhekk irrefera għal dak li għamlu bħala Gvern waqt il-pandemija fejn semma l-enerġija fejn  kien hemm prezzijiet tad-dawl li splodew ‘il fuq. “Aħna f’pajjiżna tajna l-wegħda li l-prezzijiet se nżommuhom stabbli u hekk għamilna sa minn Marzu tal-2020. Id-dawl ma għollejnihx b’1ċ. Magħna taf fejn qiegħed. Ħaddiehor qal li jekk togħla l-enerġija barra, togħla f’Malta. Aħna bil-kontra. Daqstant ieħor ċar li se nżommu l-istabbiltà fil-prezz tad-dawl, tal-petrol, tad-dijżil u l-LPG.”

Tkellem ukoll li malli faqqgħet it-tensjoni bejn ir-Russja u l-Ukranja, ġara eżatt dak li ġara f’Marzu tal-2020 meta bdiet il-pandemija. Sostna li anke matul din il-kampanja l-ħidma tal-gvern ma waqfitx u għalhekk bdew diskussjonijiet mal-importaturi tal-gwież. Qal li magħhom tkellmu fuq żewġ binarji fosthom is-sigurtà tal-provvista. Żied jgħid li bejn ilbieraħ u llum laħqu ftehim mal-importaturi prinċipali. “L-intervent tal-Gvern se jkun li nagħtu l-likwidità meħtieġa, jiġifieri l-flus biżżejjed, biex dawn l-importaturi jkunu jistgħu jimpurtaw il-ħażniet neċessarji. Se jkollna wkoll il-post fejn se jiġu maħżuna l-qmugħ u l-gwież li huwa ġewwa l-Kordin Graine Terminal. Għalhekk għax-xhur li ġejjin eliminajna r-riskju li jkollna nuqqas ta’ provvista kif ukoll ikollna impatt ‘il fuq fil-prezzijiet.”

Linja tal-ajru Nazzjonali

Dr Abela tkellem dwar l-importanza li jkollna linja nazzjonali tal-ajru.  Semma l-pjan ta’ ristrutturar tal-istess kumpanija b’tali mod li din il-kumpanija tiġi waħda vijabbli u anke għaliex iridu jiżguraw għall-ħaddiema se jibqgħu jaħdmu mal-kumpanija biex jagħtuhom kemm iċ-ċertezza kif ukoll l-istabbiltà.

“Sodisfatt ngħid illum li l-pjan ta’ riforma tal-istess kumpanija miexi ‘l quddiem b’mod tajjeb u l-mudell li se jkun qed jintuża fl-operat ta’ din l-airline huwa wieħed li qed juri sinjali pożittivi ferm,” qal Dr Abela.

Aċċenna għall-fatt li taw il-garanzija tax-xogħol u mhux dan biss imma garanzija ta’ xogħol fi ħdan entità tal-gvern. B’żieda magħha, taw il-garanzija tat-take home pay. Dan ifisser li dawk il-ħaddiema li mhux se jibqgħu impjegati mal-Air Malta, se jimxu għal entità oħra tal-gvern bl-istess paga u bl-istess kundizzjonijiet. 

Garanzija għat-tfal

Hawnhekk semma li kellhom u għad għandhom garanzija fiż-żgħażagħ u dik wasslet għal fost l-inqas rati ta’ qgħad anke fl-UE fost iż-żgħażagħ u l-istess garanzija jridu jitrażmettuha għat-tfal ukoll. Qal li l-ewwel nett għax bħala moviment jemmnu fil-prinċipju tal-mobilità soċjali. It-tieni prinċipju li jemmnu fih huwa li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta ewlenija biex tiffaċilita għall-mobilità soċjali. Hawnhekk qal li jridu jsaħħu kemm jista’ jkun il-proċess edukattiv tat-tfal tagħna. Semma l-bonus relatat mat-twelid jew l-addozzjoni kien €300 u żieduh għal €400 u issa se jkunu qed iżiduh għal €500. Semma wkoll is-servizz taċ-childcare fejn se jkunu qed iwessgħuh għal dawk il-koppji li mhux neċessarjament ikunu qed jaħdmu.  Hawnhekk semma d-diversi proposti li jinsabu fil-manifest elettorali tal-PL intiżi għall-familji u t-tfal.

Ambjent u Malta isbaħ

Hekk kif l-intervista kienet qed issir mill-Gżira, mistoqsi kif se jkun qed jassigura li n-nies tal-inħawi se jtejbilhom ħajjithom għas-snin li ġejjin, Dr Abela  semma l-akbar proġett ambjentali fejn se jkunu qed jinvestu €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin. 

Vot

Tkellem dwar il-fatt li s’għada se jibqa’ jkun possibbli biex min ma ġabarx il-vot ikun jista’ jagħmlu mill-għases jew il-kunsilli lokali. Hawnhekk appella biex in-nies imorru u jiġru d-dokument tal-vot. “Huwa l-vot li bis-saħħa tiegħu se tkunu qed tiddeterminaw il-futur tagħkom, tat-tfal, tan-negozji u l-futur tal-pajjiż. Jekk għad hemm weġgħat li forsi qed iġibukom xettiċi dwar x’għandkom tagħmlu nhar is-Sibt, ersqu lejna ħalli nindirizzaw il-weġgħat tagħkom. Qegħdin hawn biex nisimgħu u noffru s-soluzzjonijiet.

Sport