Sunday, December 22, 2024

Imħabbar investiment barrani ġdid ta’ €7.5 miljun li se jkun qed jimmanifattura partijiet minn turbini tar-riħ

Aqra wkoll

F’Ħal Far, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar investiment barrani ġdid li se jkun qed jimmanifattura partijiet minn turbini li jmorru f’wind farms li jiġġeneraw enerġija nadifa. L-investiment minn kumpanija mit-Turkija, GIMAS, se tkun qed tibni fabbrika b’investiment ta’ €7.5 miljun u tiġġenera 44 impjieg ġdid. Se titwaqqaf ukoll akkademja biex jitħarrġu ħaddiema f’oqsma speċjalizzati.

Il-Prim Ministru qal li llum qed nassistu għall-bidu ta’ settur industrijali ġdid, l-ewwel tax-xorta tiegħu, b’investiment fi prodotti għal enerġija nadifa li se joħolqu green jobs. Dak li se jkun manifatturat hawn Malta se jmur f’turbini li jiġġeneraw enerġija nadifa.

“Meta naħseb fl-iżvilupp sostenibbli ma naħsibx biss fuq l-ambjent, imma naħseb fl-opportunijiet ekonomiċi u impjiegi. Għedt kemm-il darba li t-tibdil fil-klima, bħal kull sfida oħra, tista’ tkun l-aqwa opportunità ekonomika għall-ġenerazzjoni tagħna”, sostna l-Prim Ministru.

Huwa qal illi għalhekk dan l-investiment ġdid f’Malta qed iseħħ fi żmien importanti biex inkomplu niddiversfikaw l-ekonomija tagħna f’setturi ta’ innovazzjoni, teknoloġija u enerġija nadifa. Dan huwa l-qofol ukoll tal-Politika Nazzjonali dwar Enerġija Rinovabbli Offshore u l-politika ekonomika tagħna.

Il-Prim Ministru qal illi l-ekonomija qed tesperjenza tkabbir bla precedent, fejn għandna l-ogħla rata ta’ tkabbir u l-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa. Sostna li pajjiżna jinsab f’fażi ekonomika kruċjali fejn qed nagħmlu transformazzjoni bżonnjuża biex nilħqu l-miri ambjentali.

“Bis-saħħa ta’ hekk qed nattiraw investiment li jiffoka fuq kumpaniji li jħallu valur ogħla fl-ekonomija Maltija”, qal il-Prim Ministru. Huwa temm id-diskors tiegħu billi qal li fil-futur se nħarsu lejn din il-ġurnata bħala l-bidu ta’ era ġdida għas-settur tal-manifattura f’Malta – l-era tal-ekonomija l-ħadra.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li l-investiment li se jagħmlu Gimas f’pajjiżna huwa turija oħra tal-fiduċja li kumpaniji kbar internazzjonali għandhom fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

“Għal darb’oħra llum qegħdin pass eqreb biex nilħqu l-mira ambizzjuża li nixtiequ nilħqu din is-sena, dik li tkun sena rekord għall-investiment dirett barrani f’pajjiżna. Proġett bħal dak li ħabbarna llum u ħafna proġetti oħrajn ma kinux ikunu possibbli mingħajr sinerġija sħiħa bejn l-entitajiet tagħna, fosthom Malta Enterprise u INDIS li qed iwasslu l-kunċett tagħna ta’ kumpaniji ta’ kwalità, li joffru impjiegi ta’ kwalità f’dan il-każ f’qasam ekonomiku ġdid għal pajjiżna, dak tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa kif wkoll akkademja sabiex il-ħaddiema jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom u b’hekk jiżdiedu l- opportunitajiet b’pagi aħjar. Dan imur id f’id mal-linja tal-gvern għal aktar sostenibbiltà u b’rispett sħiħ lejn l-ambjent”, temm jgħid il-Ministru.

Ekonomija

Sport