Tuesday, December 24, 2024

Imħabbra l-pjanijiet għar-riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier tal-Knisja Parrokkjali f’Ħal Tarxien 

Aqra wkoll

Permezz ta’ investiment ta’ madwar €1.8 miljun ser ikunu qed isiru xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier tal-Knisja Parrokkjali f’Ħal Tarxien 

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett fil-preżenza tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien. Ix-xogħlijiet jinkludu r-rikostruzzjoni u t-tisbiħ tal-pjazza, il-bankini tat-toroq ta’ madwar il-pjazza li se jsiru b’uċuħ tal-lava u l-porfido, u turġien b’ġebel tal-qawwi. Ser isir ukoll ir-rikostruzzjoni taz-zuntier tal-Knisja b’pavimentar ġdid u tiswija tat-turġien taz-zuntier.

Dan l-intervent ser jaħseb għal sistema ta’ dawl ġdida li tirrispetta l-madwar tal-pjazza, restawr tal-arbli tad-dawl ta’ fuq iz-zuntier tal-Knisja u bażijiet ġodda għalihom, u tqegħid ta’ għamara ġdida tat-triq. Ser isir ukoll xogħol ta’ tisħiħ fis-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita, tibdil tas-sistema tad-drenaġġ tal-inħawi tal-Knisja, u mogħdija minn taħt l-art għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku.

Il-Ministru Chris Bonett saħaq li hu importanti li l-infrastruttura taż-żoni li fihom tinġabar il-komunità għandha tingħata l-importanza meħtieġa f’dak li huwa tisbiħ u manutenzjoni, biex tipprovdi spazju kif jixraq lir-residenti u kull min iżur din il-lokalità. Għaldaqstant il-Ministru wera is-sodisfazzjoni tiegħu għal inizjattiva tal-kunsill u l-parroċċa li flimkien ħadmu biex jinvestu bl-aqwa mod f’Ħal Tarxien.

“Dawn it-tip ta’ proġetti jkomplu jenfassizaw kemm dan il-Gvern jisma t-talba tan-nies u jimplimenta bl-aħjar mod possibbli. Hekk kif rajna f’diversi lokalitajiet oħra bħal ma huma r-riġenerazzjoni  tal-Pjazza tal-Gudja u r-Rabat, dan il-Gvern qed jaħdem biex irodd lura lill-poplu spazji miftuħa b’infrastruttura aħjar li konsegwentement jiżgura kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies,” temm jgħid il-Ministru Chris Bonett.

Filwaqt li rringrazzja lill-Gvern ta’ dan il-proġett, is-Sindku ta’ Ħal Tarxien, Joseph Abela Galea, qal li dan il-proġett se jkun qed iwettaq il-ħolma tat-Tarxiniżi li jaraw il-pjazza tagħhom ikollha żona pedonali u b’hekk se jgawdu aktar il-qalba tar-raħal.

Dan il-proġett, li mistenni jitlesta fi żmien sena minn meta jibdew ix-xogħlijiet wara li jiġi konkluż il-proċess ta’ aġġudikazzjoni, qed jara l-involviment tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Ekonomija

Sport