Saturday, December 21, 2024

Imħallef jordna omm Skoċċiża biex tirritorna lil binha Malta minkejja l-pandemija tal-Covid-19

Aqra wkoll

Miktub minn Melvin Farrugia

Wieħed mill-imħallfin veterani tal-Iskozja allegatament ordna lil tfajla biex tikser il-lockdown impost mill-Gvern Ingliż u ttir lejn Malta flimkien ma’ binha tarbija, minkejja li għaddejja l-pandemija tal-COVID-19. 

Skont ma ġie rrapportat fuq il-midja Skoċċiża, jidher li Leigha Collins telqet minn Malta flimkien ma’ binha Hayes u marret l-Iskozja wara li r-relazzjoni mal-missier spiċċat. 

Madankollu, Qorti Skoċċiża ordnatilha biex tirritorna lil Hayes, ta’ 11-il xahar, lil missieru li hu Malti. L-Imħallef Brailsford iddeċieda li t-tfajla ta’ 18-il sena kienet kisret il-Konvenzjoni ta’ Hague rigward il-ħtif ta’ tfal. 

Għaldaqstant, din is-sentenza imponiet lil Leigha biex tikser il-liġi tal-Gvern Ingliż li tħalli darha, tivvjaġġa lejn Londra u tiġi lura Malta flimkien ma’ binha, minkejja l-pandemija globali. It-tfajla qalet li ma kellha ebda idea fejn se toqgħod meta tasal Malta. 

Is-sentenza ngħatat għaxart ijiem ilu. L-imħallef ippreċiża li minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti, fejn huma biss ftit it-titjiriet kummerċjali li qed isiru, Leigha u binha kellhom jirritornaw Malta permezz ta’ titjira ta’ ripatrijazzjoni li suppost qiegħda ssir għaċ-ċittadini Maltin maqbudin fir-Renju Unit. Huma kellhom jaslu Malta l-Ħamis li għadda fuq din it-titjira ta’ ripatrijazzjoni minn Londra. 

L-avukati tat-tfajla mistennija jappellaw mis-sentenza, iżda sadanittant il-każ ġie mqajjem ukoll fuq livell politiku, f’tentattiv biex jiġi mwaqqaf dan il-vjaġġ.

Leigha ġiet ikkwotata tgħid li minkejja li l-Iskozja u Malta huma magħluqin, hi ġiet ordnata biex tivvjaġġa minn Fife lejn Londra bit-trasport pubbliku, flimkien ma’ binha ta’ 11-il xahar. Qalet li mbagħad intalbet tmur l-ajruport ta’ Heathrow, tgħaddi mit-tfittxijiet tas-sigurtà u tiġi lejn Malta fuq titjira ta’ tliet sigħat. 

Saħqet li ladarba tinżel Malta hi m’għandhiex idea fejn se tmur toqgħod, kif se ġġib l-ikel, xorb u bżonnijiet oħra biex binha u hi jkunu protetti. Qalet ukoll li tinsab imbeżża’ minħabba dan kollu. 

Intant, jidher li Leigha kienet iltaqgħet mal-ġuvni Malti meta kienet tgħix hawn Malta mal-ġenituri tagħha.

Ekonomija

Sport