Tuesday, October 8, 2024

Imħallef sospiż talli mmanettja tifla għax raqdet waqt żjara fl-awla tiegħu 

Aqra wkoll

Imħallef tal-qorti distrettwali ta’ Detroit f’Michigan l-Istati Uniti ġie sospiż temporanjament milli jaqdi d-dmirijiet ta’ mħallef wara li ġiegħel tfajla ta’ 15-il sena tilbes manetti u uniformi tal-ħabs minħabba li raqdet waqt żjara fl-awla tiegħu fil-qorti.

L-Imħallef sospiż, Kenneth King, qal li ma kienx għoġbitu l-attitudni tat-tfajla Eva Goodman u b’dak li għamel li ried juriha kif għandha ġġib ruħha f’awla tal-qorti.

Iż-żagħżugħa, flimkien ma oħrajn, kienet qed iżżur is-36 Qorti Distrettwali waqt vjaġġ organizzat mill-għaqda tal-karità ambjentali The Greening, li l-eskursjonijiet l-oħra tagħha jinkludu kayaking u bird-watching.

Nhar il-Ħamis, l-imħallef ewlieni tal-Qorti Distrettwali, William McConico, qal fi stqarrija li kien ordna u mexxa investigazzjoni interna rapida u bir-reqqa tal-inċident u ddeċieda li jneħħi temporanjament lill-imħallef Kenneth King mill-każijiet li kellhom jinstemgħu quddiemu. 

Omm it-tifla, Latoreya Hill, qalet lill-aġenziji tal-aħbarijiet lokali illi ebda ġenitur ma jixtieq li xi ħadd minn uliedu jiġi trattat b’dan il-mod u mċekken quddiem kulħadd.

Filmat mill-qorti juri lill-Imħallef King waqt l-inċident jitlob lil viżitaturi oħra biex jivvutaw jekk għandux ipoġġi lil Eva f’ċentru ta’ detenzjoni tal-minorenni, qabel ma jiddeċiedi li jimmanettjatha u jlibbisha lbies tal-ħabs qabel jeħlesha. Fil-filmat, l-Imħallef King jinstema jgħid ukoll lil Eva “Int torqod id-dar fis-sodda tiegħek, mhux fil-qorti.”

F’intervista li ta filwaqt li qal li kien disturbat mill-attitudni tat-tfajla l-imħallef King stqarr li huwa dejjem għamel dak kollu li hemm bżonn isir biex jilħaq lil dawn it-tfal u jiżgura li ma jispiċċawx quddiemi. 

L-Imħallef Aliyah Sabree, li għandu t-tieni l-ogħla kariga ta’ tmexxija  fil-qorti, qal nhar l-Erbgħa li l-azzjonijiet tal-imħallef King “ma jirriflettux l-istandards” tal-qorti u se tkun qed tindirizza din il-kwistjoni bl-akbar diliġenza.

Sport