Tuesday, December 24, 2024

Imħatri llegali: Fabrizio Corona taħt investigazzjoni għal malafama

Aqra wkoll

L-artikolista, Fabrizio Corona tpoġ­ġa taħt investigazzjoni mill-Prosekutur ta’ Milan għal suspett ta’ malafama bbażata fuq kawżi ta’ libell ippreżentati minn Stephan El Shaarawy u l-avukati ta’ Nicolò Casale.

Corona tħarrek minn rappreżentanti taż-żewġ players tas-Serie A li kienu ssemmew fost dawk involuti fl-iskandlu tal-imħatri fl-Italja.

Corona semma’ lil El Shaarawy u Casale fl-aħħar intervista tiegħu ma’ programm tele­viżiv il-ġimgħa li għaddiet. L-avukati tal-attakkant ta’ Roma u tad-difensur ta’ Lazio kienu sostnew li se jieħdu passi legali kontra Corona.

L-eks ‘Re tal-Paparazzi’ kien l-ewwel li żvela li Nicolò Fagioli, Sandro Tonali u Nicolò Fagioli kienu nvestigati mill-FIGC u l-Prosekuturi ta’ Turin fl-iskandlu tal-imħatri.

El Shaarawy u Casale mhumiex taħt investigazzjoni, għalhekk l-avukati tagħhom issa ħadu azzjoni legali kontra Corona.

El Shaarawy infaqa’ jibki wara li skorja l-goal rebbieħ tard fir-rebħa ta’ Roma fuq Monza nhar il-Ħadd.

“Weġġajt għax meta jingħadu affarijiet dwa­rek li mhumiex veri, anke jekk il-kuxjenza tiegħek hija ċara,” qal l-internazzjonali Taljan.

Ekonomija

Sport