Saturday, December 21, 2024

Immigranti fil-Milied

Aqra wkoll

Minn Dr Alfred Sant

Fl-Ewropa ta’ żmien il-Milied, iċ-ċelebrazzjonijiet li jinżammu tbiegħdu sew mill-istorja “oriġinali” tal-Milied – dik li nuru fil-presepji. Missier Milied (biex ma nsemmix lil Rudolph iċ-ċerf) ħa s-sopravvent fuq il-bambin Ġesu.

Xorta waħda madankollu l-istorja “oriġinali” għadha ħajja u ssir aktar ħajja bil-mod kif qed tiżviluppa s-soċjetà kontinentali Ewropea, fejn l-immigrazzjoni u l-imxija tal-coronavirus baqgħu minn ta’ quddiem fl-attenzjoni tal-popli.

Ftit hemm differenza bejn dak li jintqal ġara fil-maxtura ta’ Betlehem u xinhu jiġri mat-trufijiet tal-Ewropa. Il-familja ta’ Ġużeppi l-mastrudaxxa ma emigratx irregolarment meta telqet lejn Ġerusalemm biex tiffirma ċ-ċensiment… imma l-faqar tagħha għamilha kważi hekk. Imbagħad, biex taħrab mill-qilla ta’ Erodi saret familja ta’ refuġjati.

Naħsbu x’naħsbu dwarhom, forsi dan hu wkoll iż-żmien biex nuru aktar mogħdrija lejn l-immigranti rregolari u r-refuġjati li jaslu fostna bla wens, minsija u mbeżżgħa wkoll bħal kulħadd mit-theddida tal-imxija. Missier Milied mhux se jgħid le jekk nagħmlu hekk.

***

Dwal

Rari d-dwal festivi mixgħula fit-toroq tagħna laqtuni daqs kemm laqtuni dis-sena. Is-soltu ftit nagħti kashom, mehdi kif inkun biex ninnaviga fost il-folol.

Did-darba ħafna mit-toroq ta’ filgħaxija u billejl kienu kważi battala min-nies. L-aktar ħaġa li baqgħet ħajja fihom kienu d-dellijiet tal-qtates isusu taħt it-tajers tal-karozzi. Anke dawn ftit kienu numerużi.

Allura,  bilfors l-għajn tmur fuq il-mixegħla. U tinduna kemm f’ħafna każi ttellgħet bi ħsieb u b’laqta artistika mhux ċkejkna. Qabel, id-dwal fil-għoli kienu jservu ta’ sfond. Issa saru jiddominaw bl-istedina tagħhom biex is-sena d-dieħla min joħroġ fit-toroq iqishom ta’ li huma – parti sħiħa mill-mod kif is-soċjetà tferraħ u titferraħ.

***

Proposta…

Nittama li jirnexxieli imma fl-aħħar sena, nqbadt b’wisq impenji ta’ kitba u ma laħħaqtx naqra kull ma xtaqt. Għal dawn il-festi biex talanqas inkompli mas-sentimenti tradizzjonali ta’ ferħ u għożża li aħna lkoll imdorrija nkebbsu għall-Milied, iddeċidejt li naqra wieħed mill-Christmas Books li kien ħareġ Charles Dickens aktar minn 150 sena ilu.

  Mhux “Christmas Carol”, l-ewwel wieħed minnhom… imma “The Cricket on the Hearth”. Kien ħariġhom sena wara l-oħra… għalkemm l-ebda wieħed ma sab l-istess popolarita tal-ewwel ktieb… u ċċelebraw il-Milied kif kienu jipprattikawh fir-Renju Unit fi żmien Dickens. Ix-xeni u l-episodji li ddeskriva spiċċaw jinfluwenzaw lill-ġenerazzjonijiet ta’ wara fil-mod kif baqgħu iħarsu u jipprattikaw l-użanzi tal-Milied.

Il-problema hi jekk minkejja r-rieda tajba kollha li nista’ nuri, hux se jirnexxili nsib ħin biex naqra “The Cricket and the Hearth” mill-bidu sal-aħħar.

***

B’xewqat sbieħ ta’ Milied hieni lil kulħadd.

Ekonomija

Sport