Żagħżugħ ta’ 27 sena ġie mmultat €1,100 u kellu l-liċenzja skwalifikata għal 9 xhur wara li l-Qorti sabitu ħati ta’ sewqan perikoluż u traskurat fil-Marsa. Huwa nstab ħati wkoll li rema’ oġġett barra u li kiser sentenza tal-Qorti.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ f’Mejju ta’ sitt snin ilu fi Triq Aldo Moro fil-Marsa. Fil-Qorti xehed xufier ta’ taxi, fejn spjega li waqt li kien qiegħed isuq biex iwassal lil xi ħadd, ra lill-imputat jaqbżu bil-vettura tiegħu u li beda jserrep u jsuq perikoluż.
Spejga wkoll li l-imputat heddu li jisparalu u meta daru għal Vjal il-Labour, Raħal Ġdid, l-akkużat ħa brejk, ħareġ kanna sewda, spara lejh u ħarab minn fuq il-post. Ix-xufier tat-taxi kompla jgħid li malli wassal lil passiġġiera fid-destinazzjoni tagħha, huwa mar l-għassa sabiex jagħmel rapport.
Fil-Qorti xehdet ukoll il-passiġġiera li kienet riekba max-xufier tat-taxi, fejn spjegat li ħin minnhom l-imputat qabad joffendi lix-xufier tat-taxi u li ħin minnhom semgħet ħoss qawwi u rat dħaħen qrib il-karozza.
Mix-xhieda tal-imputat u mill-investigazzjonijiet meħtieġa illi saru, irriżulta li l-ħoss ma kienx sparatura, iżda flixkun tal-fwieħa. Meta kien mistoqsi mill-Pulizija, l-akkużat qal li ipponta lembubalejn il-vittma u li waddab flixkun tal-fwieħa.
L-imputat xehed illi dakinhar meta seħħ l-allegat każ, kien mar dawra bil-karozza biex iraqqad lit-tifel. Qal li meta ħares lura lejn it-tifel, il-mara għajtet għax kien hemm taxi se tidħol fuqhom. Spjega li x-xufier ta’ taxi għammillu mossa ħażina u għalhekk saq warajh u waddabblu flixkun fwieħa.
Mill-provi imressqa mix-xhieda, il-Qorti qalet li l-imputat saq b’mod perikoluż għall-aħħar. Il-Qorti qalet li s-sewqan tiegħu ma jistax jiġix deskritt ħlief bħala manuvra ta’ bniedem li kien tilef rasu u ma kienx postu fi triq dak il-ħin. Għalhekk, il-Qorti sabitu ħati li saq bi traskuraġġni u perikoluż u rema’ flixkun barra.
Kien għalhekk li ġie mmultat €1,100, filwaqt li ġie skwalifikt milli jsuq għal perjodu ta’ disa’ xhur.