Il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali nieda l-Viżjoni Strateġika 2035 tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, flimkien mal-identità istituzzjonali l-ġdida ‘It-Tila Minsuġa’, li tirrifletti r-rwol tal-Arkivji bħala kustodji tal-memorja dokumentarja u tal-identità nazzjonali.
Din il-viżjoni, żviluppata permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni li dam għaddej sena, tistabbilixxi direzzjoni ċara għall-iżvilupp tal-Arkivji Nazzjonali, imsejsa fuq erba’ prijoritajiet strateġiċi:
- Arkivji Nazzjonali ġodda u infrastruttura xierqa: L-iżvilupp ta’ ċentru nazzjonali sostenibbli, sigur u aċċessibbli, flimkien mat-titjib tal-infrastruttura tal-Arkivju ta’ Għawdex.
- Tkabbir permezz tal-isfida diġitali: It-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni, il-preservazzjoni tar-rekords diġitali u l-użu responsabbli ta’ teknoloġiji innovattivi.
- Nifhmu lill-klijenti u niżviluppaw servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom: It-titjib tas-servizzi, l-aċċessibbiltà u l-opportunitajiet ta’ riċerka u tagħlim.
- It-tisħiħ tas-soċjetà Maltija: Il-promozzjoni tal-wirt arkivistiku permezz tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet.
Il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea qal li, “L-Arkivji Nazzjonali mhumiex sempliċiment post fejn jinżammu dokumenti storiċi, iżda huma l-memorja ħajja ta’ pajjiżna. Permezz ta’ din il-Viżjoni Strateġika 2035, qed nagħtu direzzjoni ċara biex inkomplu ninvestu f’istituzzjoni moderna, innovattiva u aċċessibbli għal kulħadd. Bħala Gvern, nemmnu li l-investiment fil-wirt dokumentarju huwa investiment fl-identità tagħna, fit-trasparenza u fil-ġenerazzjonijiet futuri. Din il-viżjoni hija wkoll konformi mal-aspirazzjonijiet tal-Viżjoni Malta 2050, għal pajjiż li jħares il-passat tiegħu filwaqt li jibni futur aktar b’saħħtu.”
Min-naħa tiegħu, l-Arkivista Nazzjonali, il-Professur Charles Farrugia, sostna li, “Bil-Viżjoni Strateġika 2035, qed nibnu fuq il-progress miksub biex insaħħu l-Arkivji Nazzjonali bħala istituzzjoni fdata, aċċessibbli u diġitalment avvanzata—biex il-wirt tagħna jibqa’ ħaj, id-drittijiet jissaħħu u l-għarfien jiftaħ orizzonti ġodda għal kulħadd. Meta nsaħħu l-ħarsien u l-aċċess għall-memorja tagħna, nagħtu lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada s-sisien biex jibnu futur aħjar.”
L-implimentazzjoni tal-istrateġija se ssir f’fażijiet, permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni u indikaturi tal-prestazzjoni, bil-għan li l-Arkivji Nazzjonali jkomplu jħarsu l-wirt dokumentarju ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri.
