Monday, May 13, 2024

Imnedija r-riforma VO Plus – Nibnu settur volontarju b’saħħtu għal Malta tal-lum u ta’ għada

Aqra wkoll

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, waqt konvenzjoni li saret taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-Eċċ. Dr George Vella, nieda r-riforma VO Plus. Matul din il-konvenzjoni, li kienet imnedija proprju lejliet il-Jum Internazzjonali tal-Voluntiera, se tkun qed tiskatta konsultazzjoni wiesgħa u nazzjonali bejn il-partijiet ikkonċernati fis-settur volontarju. 

Din ir-riforma se tkun qed tibni fuq l-Istrateġija Nazzjonali tal-Volontarjat 2019-2024 u se tara li tipprepara lis-settur mhux biss għall-isfidi tal-lum iżda għall-isfidi tal-futur u kif dan jista’ jintiseġ mar-realtajiet u l-ħtiġijiet tal-pajjiż f’kuntest ta’ viżjoni għall-2050. 

Il-konsultazzjoni nazzjonali li se tkun qed tinbena bit-tnedija tar-riforma se tara li jkun hemm bażi maqbula biex jiġu indirizzati tibdiliet leġiżlattivi li jixhdu dan.

Fid-diskors li għamel fl-okkażjoni ta’ dan il-jum storiku għas-settur volontarju, il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, is-Sur Jesmond Saliba rrefera għall-konvenzjoni VO Plus bħala mezz li se tkun qed tagħti vuċi lis-settur volontarju b’mod kollettiv. “Prinċipju fundamentali għall-organizzazzjonijiet volontarji f’din ir-riforma se jkun li jingħataw l-għodda neċessarji biex jissaħħu u fl-istess waqt bħala uffiċċju niffaċilitaw u ngħinu fl-amministrazzjoni, biex ikun jista’ jiffunzjona b’mod iżjed effettiv u effiċjenti.” 

Il-Kummissarju Saliba spjega kif permezz ta’ din ir-riforma ħolistika, se “nifhmu kif nistgħu nservu lis-settur u se nifhmu, nivvalorizzaw u napprezzaw kif is-settur qed iservi lill-pajjiż, lis-soċjetà u l-ekonomija nazzjonali għaliex pajjiżna għandu bżonn li jkollu settur volontarju b’saħħtu u lest għar-realtijiet u l-bżonnijiet tas-soċjetà.” 

Finalment, Saliba kkonkluda jgħid li r-riforma VO Plus ser tara li “jinħoloq mekkaniżmu effettiv biex is-settur ikun protagonista rispettat fil-formolazzjoni ta’ dik li hija Malta ta’ llum u għada.”

Il-President ta’ Malta George Vella qal li huwa sabiħ li tara iniżjattiva bħalma nieda l-OCVO u awgura li din tikseb il-frott tagħha f’qasir żmien. Huwa qal li d-djalogu, li huwa l-bażi ewlieni tar-riforma VO Plus għandu jilħaq għanijiet wiesgħa u inklussivi. 

Il-President ta’ Malta semma kif ir-riforma VO Plus tmur lil hinn mill-Istrateġija tal-Volontarjat 2019-2024 u għalhekk se tkun qed tibni fuq dak li diġà sar f’dan is-settur. 

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rekreazzjoni u Għaqdiet Volontarji l-Onorevoli Dr. Clifton Grima, irrimarka kif illum hija ġurnata storika għall-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijeit Volontarji u s-settur volontarju kollu. “Permezz ta’ din il-konvenzjoni, li se tagħti bidu għall-konsultazzjoni wiesgħa bejn għaqdiet volontarji u stakeholders oħrajn li jikkontribwixxu lejn dan is-settur, pajjiżna se jkun qed jipprepara lill-għaqdiet volontarji għar-realtijiet u l-bżonnijiet tagħhom u tal-benefiċċjarji għas-snin li ġejjin.” 

Is-Segretarju Parlamentari saħaq li jiem u avvenimenti bħal tal-lum huma xhieda kemm il-volontarjat f’pajjiżna kiber matul is-snin u huwa settur ħaj u dinamiku. 

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima temm jirringrazzja lill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji s-Sur Jesmond Saliba għall-kuraġġ biex flimkien tinbeda konsultazzjoni li twassal għal riforma li se tara lis-settur volontarju jiġġedded u jissaħħaħ għal ġid tas-soċjetà Maltija. 

Il-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli ddeskrivit il-Konvenzjoni VO Plus bħala “vjaġġ storiku li se jfassal kif d-deċiżjonijiet ser jibdew jittieħdu flimkien.” Il-Ministru kompliet tgħid li l-poplu Malti għandu sens qawwi ta’ volontarjat li jirrifletti l impenn ta’ eluf ta persuni f’dan il-qasam.

Il-kelliem għall-Oppożizzjoni Kevin Cutajar qal li huwa ta’ saodisfazzjon li r0riforma VO Plus  għandha l-ħarsa tal-President ta’ Malta. Min-naħa tiegħu, l-President tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju, Noel Camilleri qal li l-Konvenzjoni VO Plus ser taħdem biex tissaħħaħ d-demokrazija mhux għal pajjiżna biss iżda anke mil-lat gloabli. Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ Soċjali Profs Andrew Azzopardi semma’ kif l-OCVO permezz ta’ VO Plus ser ilaqqa’ l-qlub tal-għaqdiet volontarji flimkien mal-Gvern u strutturi għoljin fil-pajjiż, anke bl-involviment ta’ riċerka mill-Università ta’ Malta.

Sport