Thursday, April 25, 2024

Imniedi l-proġett ta’ tisbiħ taċ-ċentru ta’ matul il-jum fl-Imtarfa

Aqra wkoll

Permezz ta’ Aġenzija Sapport, tnieda proġett fejn spazju li qabel kien mitluq fiċ-ċentru ta’ matul il-jum fl-Imtarfa, issa nbidel fi spazju mitfuħ għal persuni b’diżabilità. Dan il-proġett ġie kkumplimentat minn proġett ta’ parkeġġ fl-istess ċentru li sar b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta.

L-investiment ra parti minn dan il-belveder fejn hemm il-bankijiet tiġi msaqqfa, b’persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jqattgħu ħin ta’ rilassament filwaqt li jgawdu l-veduta tal-Imdina. Din il-parti tinkludi wkoll żewġ swing chair hammocks li jistgħu jintużaw mill-istess persuni b’diżabilità biex jirrilassaw.

F’parti oħra minn dan il-belveder ġie installat apparat ġdid u modern għall-eżerċizzju fiżiku. Dawn jinkludu heavy duty walker, heavy duty bicycle u multi station 4 in 1 upper body machine li tista’ tintuża wkoll minn persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti. Dan l-apparat ġie kollu ċċertifikat u ttestjat biex ikun sigur.

Bħala parti minn dan il-proġett, ġiet ukoll irranġata l-art u ġiet mgħottija b’turf sintetiku u mats protettivi ħalli tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni b’diżabilità.

Infrastructure Malta ħadu ħsieb l-organizzazzjoni aħjar tal-parkeġġ billi ssaħħew il-pedamenti tiegħu u ksewh bl-asfalt. Barra minn hekk, ħadu ħsieb li jsir titjib fil-madwar biex ikun hemm aċċess aħjar anke bil-mixi għal dawk kollha li jifrekwentaw dan iċ-ċentru ta’ matul il-jum. Saru wkoll kurduni mas-siġar li diġà kien hemm biex ingħatat dehra isbaħ lill-ambjent tal-post.

Dan il-proġett hu parti minn kullana ta’ inizjattivi li qed tagħmel Aġenzija Sapport biex timmodernizza ċ-ċentri kollha ta’ matul il-jum. Minn dan il-proġett, li sar b’investiment ta’ €40,000, mhux biss se jibbenefikaw medja ta’ 90 persuna b’diżabilità miċ-ċentru ta’ matul il-jum tal-Imtarfa, iżda anke persuni b’diżabilità oħra minn ċentri oħra ta’Aġenzija Sapport.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli faħħret dawn ix-xogħlijiet li saru u semmiet li permezz ta’ dan it-tagħmir, il-persuni b’diżabilità se jkollhom ċans li jirrilassaw u jagħmlu eżerċizzju fiżiku filwaqt li jgawdu ambjent u veduta mill-isbaħ.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li, “Dan il-proġett mhux biss se jkun jista’ jitgawda minn madwar 90 persuna li jattendu dan iċ-ċentru iżda wkoll minn persuni b’diżabilitajiet oħrajn li jattendu ċentri oħra ta’ Aġenzija Sapport. Grazzi għal din il-kollaborazzjoni, wettaqna proġett li jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawn il-persuni b’diżabilità.”

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “L-infrastruttura mhix biss it-toroq imma wkoll bħala ministeru permezz tal-aġenzija Infrastructure Malta u permezz ta’ entitajiet oħra fi proġetti diversi qed naraw li noffru infrastruttura sigura u isbaħ. Fil-każ tal-lum rajna li kull min iżur din l-entità jkun jista’ jgawdi kemm minn faċilitajiet aħjar kif ukoll igawdi ambjent aktar sigur. Inħares ’il quddiem għal aktar kollaborazzjonijiet bħal dawn li qed jiffaċilitaw aktar il-ħajja u l-proċess ta’ dawn l-entitajiet li tant jagħmlu ġid għan-nies.”

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras li spjegat li l-aġenzija dejjem tħares ’il quddiem u twettaq inizjattivi sabiex jiġu modernizzati ċ-ċentri kollha ta’ matul il-uum. Dan il-proġett hu biss parti żgħira mill-proġett ta’ tisbiħ intenzjonat għal dan iċ-ċentru ta’ matul il-jum.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi qal li hu l-akbar sodisfazzjon tiegħu li bħala entità jkunu ta’ għajnuna għal entitajiet governattivi oħra, b’mod speċjali dawk fil-qasam soċjali.

Sport