Saturday, December 28, 2024

Imniedi proġett li ser jagħmel riċerka dwar qiegħ il-baħar

Aqra wkoll

Tnieda proġett li se jkun qed jagħmel riċerka dwar qiegħ il-baħar permezz ta’ teknoloġija magħrufa bħala LiDAR. Permezz ta’ teknoloġija laser se tkun qed tinġabar data preċiża dwar il-fond u l-istruttura ta’ qiegħ il-baħar. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li tiġi żviluppata infrastruttura nazzjonali fil-qasam marittimu li tuża teknoloġija avvanzata biex tistudja l-qiegħ tal-baħar. Il-proġett qed jibni fuq data li nġabret fl-2012 sabiex b’hekk tanalizza wkoll tibdil li jista’ jkun hemm f’qiegħ il-baħar.

Il-proġett tnieda waqt konferenza tal-aħbarijiet, mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, mill-Professur Saviour Formosa mill-Università ta’ Malta, li qed imexxi din l-inizjattiva, u mir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella.

Dan il-proġett se jagħmel użu wkoll mit-teknoloġija GIS, sabiex tiġi analizzata d-data ġeografika. B’din is-sistema jistgħu jinħolqu disinji u xejriet importanti fil-qasam marittimu, u b’hekk jittieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati u effettivi.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal, “Permezz ta’ dan il-proġett, li se juża teknoloġija avvanzata, se jwassal sabiex nifhmu aktar l-ambjent marittimu tagħna, kif ukoll sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-protezzjoni tal-ibħra tagħna. Permezz ta’ kollaborazzjonijiet ta’ dan it-tip nistgħu nwettqu proġetti li jġibu ’l quddiem kemm ir-riċerka marittima kif ukoll il-protezzjoni tal-ambjent tagħna.”

Min-naħa tiegħu, ir-Rettur Alfred J. Vella stqarr, “Hemm proċess xjentifiku lineari li bih d-data miġbura tissarraf f’informazzjoni u ssussegwentament f’għerf u azzjoni. Dan il-proġett huwa fundamentali sabiex jitteħdu l-aħjar deċiżjonijiet li permezz tagħhom tinġabar data preċiża minn qiegħ il-baħar. L-użu ta’ laser f’żoni bathymetric huma kruċjali biex permezz tiegħu d-data twassalna qrib il-proċess li jsawwar il-policies u jiggwidana fid-deċiżjonijiet li nieħdu.”

Il-Professur Saviour Formosa spjega li permezz ta’ dan il-proġett se jiġbru data mill-ajru permezz ta’ ajruplan li se juża it-teknoloġija LiDAR, sa 50 metru taħt l-ilma, biex tgħinhom jifhmu aħjar x’qed jiġri taħt wiċċ il-baħar u b’hekk twassal biex jittieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza.

Ekonomija

Sport