Saturday, November 16, 2024

Imniedi servizz ta’ assistenza professjonali għal dawk affettwati mill-kostruzzjoni

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard nieda servizz ġdid offrut mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, intiż li jassisti b’xejn lil dawk affettwati mill-kostruzzjoni.

Dan is-servizz se jibda jingħata wara proċess ta’ sejħa pubblika li wassal għat-twaqqif ta’ Panel ta’ 20 professjonist, kompost minn 10 Avukati u 10 Periti.

“L-impenn tagħna hu li nkunu ta’ sostenn konkret għaċ-ċittadini tagħna fi żminijiet ta’ bidla u żvilupp. Filwaqt li dan it-tibdil sikwit iwiegħed progress, jista’ jwassal ukoll għal tħassib u sfidi għal dawk li jgħixu u jaħdmu fil-qrib”, beda biex jgħid il-Ministru Attard hekk kif spjega li din l-inizjattiva ġdida hija maħsuba biex tindirizza proprju dan it-tħassib.

Il-Ministru Attard kompla jsostni li dan is-servizz ġdid jikkumplimenta l-helpline 138 imniedi reċentement, li jipprovdi appoġġ 24/7 għal min għandu tħassib immedjat relatat mal-kostruzzjoni u s-saħħa u s-Sigurta’ fuq ix-Xogħol. B’hekk dawn iż-żewġ servizzi se jkunu qegħdin jiffurmaw sistema ta’ għajnuna komprensiva mfassla biex tagħti liċ-ċittadini l-għodda biex jindirizzaw it-tħassib tagħhom b’mod effettiv.

“Aħna nemmnu li kull individwu għandu d-dritt li jifhem l-implikazzjonijiet tal-iżvilupp fil-viċinat tiegħu u li jħares l-interessi tiegħu. Għandna viżjoni ċara li nagħtu s-setgħa bl-għarfien u r-riżorsi meħtieġa biex dawk affetwati jkunu jistgħu jifhmu il-kumplessitajiet ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni anke b’assistenza teknika”, saħaq il-Ministru Attard.

Il-Ministru Attard żied jispjega li din l-inizjattiva hija ħolqa oħra minn katina ta’ inizjattivi u riformi li għaddej minnu s-settur.

“Terzi affettwati li qabel kienu forsi joqogħdu pass lura u forsi agħar minn hekk jagħlqu għajn quddiem periklu fil-konfront tagħhom, issa se nkunu qegħdin nipprovdulhom din l-assistenza biex ngħinuhom jiddefendu l-interessi tagħhom u fuq kollox jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom u tal-għeżież tagħhom”, qal il-Ministru Attard.
 
Huwa spjega li terzi affettwati se jkunu jistgħu jieħdu parir u assistenza professjonali u indipedenti fuq drittijiet legali li għandhom, inkluż dwar aspetti ta’ servitujiet u distanza legali. Kif ukoll pariri tekniċi minn Perit dwar il-method statement, kif se jitwettaq ix-xogħol u kif dan jista’ jaffetwa l-propjetà tagħhom.

It-tim ta’ Avukati u Periti ta’ esperjenza jinsab disponibbli biex jisimgħu, jagħtu pariri u jassistu bl-aħjar mod possibbli lil kull individwu.

“Dan is-servizz imur lil hin mill-miri tal-manifest elettorali u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika marbuta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Dan huwa servizz imsejjes fuq l-esperjenzi ta’ persuni mġarrba u anke l-esperjenzi li kellha l-Awtorità f’ċertu kwistjonijiet li żviluppaw”, tenna l-Ministru Attard filwaqt li rringrazzja lill-professjonisti dedikati li ngħaqdu flimkien biex jagħmlu dan is-servizz realtà.

Filwaqt li nnota r-rispons pożittiv tal-helpline fl-ewwel ġimgħat mit-tnedija, il-Ministru Attard qal li mit-tnedija tas-servizz daħlu medja ta’ 80 telefonata kuljum, b’75% jkunu relatati ma’ mistoqsijiet jew rapporti fuq xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Min-naħa tiegħu l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni l-Perit Roderick Bonnici tkellem ukoll dwar ir-ristrutturar li għaddej fl-awtorità, hekk kif qiegħda tkompli ssaħħaħ ir-rwol regolatorju tagħha u taġġorna b’inizjattivi u servizzi intizi li joffru aċċess aktar faċli liċ-ċittadini affettwati.

Preżenti wkoll għal din il-konferenza kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni is-sur Johan Galea u l-Kap Eżekuttiv ta’ Servizz.gov is-sur Massimo Vella.

Ekonomija

Sport