L-Erbgħa jibda Grupp 1 tal-Elite mini-tournament tal-UEFA U19 fis-Slovenja, li jservi bħala opportunità perfetta għar-referee tal-FIFA, Ishmael Barbara, u l-Assistent Referee tal-FIFA, Duncan Spencer, biex itejbu l-kwalitajiet tagħhom u jiksbu aktar esperjenza fix-xena internazzjonali.
Il-grupp fih timijiet ta’ kwalità li għalkemm għadhom żgħar fl-età żġgur li se jipproduċu futbol tal-ogħla livell.
Il-pajjiż ospitu tas-Slovenja se jkun qed jingħaqad ma’ Spanja, il-Kosovo u l-Awstrija.
Ishmael se jkun qed jikkontrolla l-ewwel partita nhar l-Erbgħa li tinvolvi lis-Slovenja kontra Spanja. Hu hu se jmexxi lil Spanja darbtejn, hekk kif se jkun qed jirrefja anke l-partita finali f’dan it-tournament hekk kif l-Ispanjoli jilagħbu nhar it-Tlieta tal-ġimgħa d-dieħla mal-Awstrija.
Barra minn hekk, Ishmael Barbara se jservi wkoll bħala r-raba’ uffiċjal f’partita nhar is-Sibt bejn l-Awstrija u s-Slovenja.
L-Assistent Referee tal-FIFA Duncan Spencer ġie wkoll fdat bl-istess tliet logħbiet, flimkien ma’ Ishmael Barbara.
L-MFA awgurat kull suċċess liż-żewġ uffiċjali lokali tal-logħba f’dan l-impenn fejn se jkunu qed jirrappreżentaw lill-Malta FA u lil pajjiżna.