Ir-referee tal-FIFA Trustin Farrugia Cann ġie assenjat biex imexxi l-konfront tal-Ewwel Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni tal-Ewwel Leg tal-UEFA Europa Conference League bejn it-tim Armen Ararat-Armenia FC li se jkun qed jiffaċċja f’pajjiżhom lit-tim Albaniż KF Egnatia.
Għal din il-partita fil-kapitali Armena ta’ Yerevan, nhar il-Ħamis fil-5 pm, Trustin se jkun assistit minn tim ta’ uffiċjali Maltin, kompost minn Roberto Vella u James Muscat bħala l-Assistenti Referees tiegħu. Min-naħa l-oħra, Glen Tonna, għamel ukoll il-vjaġġ twil lejn l-Armenja bħala parti mit-tim ta’ uffiċjali Maltin, u ġie fdat f’din il-partita bħala r-raba’ uffiċjal.
Bħal kull partita oħra tal-UEFA Champions League din il-ġimgħa u għalkemm f’dan l-istadju bikri tal-kompetizzjoni, se jitħaddem il-Video Assistant Referee, bl-uffiċjali tal-partita lokali tal-badge tal-FIFA kollha mdorrijin sew b’dan il-kunċett ġdid wara taħriġ speċjalizzat li ngħatalhom fl-aħħar xhur, f’termini ta’ użu u teħid ta’ deċiżjonijiet korretti f’logħbiet tal-futbol fejn tiġi applikata s-sistema tal-Video Assistant Referees (VAR).