Il-Gvern ilu jinsab impenjat li jindirizza kwalukwe tip ta’ irregolarità u anke li jsaħħaħ il-ġlieda kontra kull forma ta’ abbuż, inkluż fejn jidħol il-qasam soċjali. Dan l-aħħar smajna b’akkużi fejn xi nies ingħataw benefiċċji li ma kienx jistħoqqilhom.
Dan mhux aċċettabbli u malli ġie żvelat dan il-Gvern minnufih ħa passi u tefa’ l-każ quddiem il-Pulizija għal aktar investigazzjoni. Dan wara li f’Settembru tas-sena l-oħra, id-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza fil-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal sabet numru ta’ applikazzjonijiet fejn fihom kien hemm suspett ta’ allegat frodi u/jew iffalsifikar ta’ numru ta’ dokumenti mediċi, li wasslu biex l-applikant jingħata l-għajnuna.
Dan ifisser li l-Gvern, l-aktar il-Ministeru msemmi, ma raqadx fuq dawn l-allegati abbużi tant li aġixxa fil-pront biex dan l-abbuż jitwaqqaf. Tant hu hekk li madwar 141 każ ta’ assistenza għal diżabilità severa twaqqfu u l-flus mogħtija ntalbu biex jiġu ritornati lura. Huwa mifhum li l-flejjes li nħarġu b’mod mhux mistħoqq jammontaw għal ftit aktar minn €2 miljun u li sa issa nġabru lura mat-€330,000.
Għalhekk li xi ħadd jgħid li l-Gvern ma ħax passi kontra dawn l-abbużi mhux korrett u jrid iqarraq bl-opinjoni pubblika. Nemmnu li għandhom ikomplu jiżdiedu l-miżuri biex jassiguraw li l-benefiċċji soċjali jingħataw lil min ħaqqu u lil min verament għandu bżonnhom. Għaliex ma jistax ikun li flus ġenwini mit-taxxi tal-poplu jgħaddu għal għand min ma jistħoqqlux u mhux lil dawk li jinħtiġuhom.
Għalhekk minflok nikkritikaw bla bażi u nattakkaw, kulħadd għandu jiġbed l-istess ħabel biex flus il-poplu jiġu minfuqa kif suppost. Nafu li tagħmel kemm tagħmel miżuri, xorta se jkun hemm min li jittanta jabbuża mis-servizzi ta’ assistenza soċjali li jipprovdi l-istat.
Ninsabu fiduċjużi li l-Gvern se jibqa’ impenjat b’mod qawwi biex dawn l-abbużi jiġu minimizzati kemm jista’ jkun, jekk mhux ukoll eliminati għalkollox. F’dan il-kuntest, irridu nisħqu li jista’ jkun hemm setturi oħra li fihom ikun hemm lok ta’ abbuż. Għalhekk l-iskrutinju u l-infurzar huma dejjem meħtieġa filwaqt li jkunu wkoll effikaċi.