Wednesday, July 24, 2024

Impjegati tal-BOV Fi Żjara ta’ Skambju fl-uffiċċji ta’ MAPFRE f’Madrid

Aqra wkoll

Fi sforz biex irawmu t-tagħlim kollaborattiv u jtejbu l-kompetenza tal-industrija, grupp ta’ impjegati mill-Bank of Valletta dan l-aħħar għamlu żjara fl-uffiċċji ta’ MAPFRE f’Majadahonda, fil-belt kapitali Spanjola ta’ Madrid.

Akkumpanjati minn Tonia Parascandalo, Alex Bezzina u Sarah Borg mill-fergħa tas-Servizzi tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tal-Bank, it-tim kellu l-opportunità imprezzabbli li jimpenja ruħu f’diskussjonijiet u sessjonijiet ta’ qsim tal-għarfien mal-professjonisti rinomati ta’ MAPFRE. Il-grupp kien jinkludi r-rappreżentanti tal-Bank li ddistingwew ruħhom matul is-sena għal-livell għoli ta’ servizz mogħti lill-klijenti meta għenuhom biex jinnavigaw fid-dinja tal-investimenti u l-pensjonijiet. L-aġenda inkludiet analiżi f’diversi aspetti tal-operazzjonijiet bankarji u tal-assigurazzjoni, l-eċċellenza tas-servizz tal-konsumatur, u l-aħħar innovazzjonijiet teknoloġiċi li jsawru x-xenarju tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet. Il-grupp kien ospitat minn Elvira López de Lara (Direttur tad-Distribuzzjoni Korporattiva ta’ MAPFRE) u Goyo Santos (Direttur Kummerċjali tal-EMEA ta’ MAPFRE).

“Din iż-żjara tenfasizza l-impenn tagħna għal tagħlim kontinwu u żvilupp professjonali,” spjegat Tonia Parascandalo. “Billi nikkollaboraw ma’ mexxejja tal-industrija bħal MAPFRE, aħna nimmiraw li nibqgħu minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni u l-aħjar prattiċi, u fl-aħħar mill-aħħar inwasslu valur akbar lill-klijenti tagħna.”

L-iskambju pprovda wkoll pjattaforma għal netwerking u bini ta’ relazzjonijiet bejn it-timijiet tal-Bank of Valletta u l-MSV Life, li witta t-triq għal kollaborazzjonijiet futuri. Id-delegati esprimew l-apprezzament tagħhom għall-opportunità li jżuru l-kwartieri ġenerali tal-MAPFRE. “Kienet opportunità kbira biex insiru nafu aħjar lill-kollegi tagħna u nibnu konnessjoni b’saħħitha. Il-programm kollu ta’ taħriġ kien organizzat tajjeb ferm – esperjenza li ċertament se ngħożżu,” kien wieħed mill-kummenti li taw uħud mid-delegati li attendew.

Inizjattivi bħal dawn jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-Bank li jinvesti fin-nies tiegħu, u jipprovdilhom opportunitajiet biex ikomplu jiżviluppaw huma stess u jmexxu bidla pożittiva f’kull sens professjonali. Il-Grupp BOV ilu nvolut fin-negozju tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja mill-1994, meta kienet twaqqfet l-ewwel impriża lokali tal-bankassurance, dak iż-żmien, bi sħubija mal-Middlesea Insurance. Din ir-relazzjoni ta’ ħidma kompliet tissaħħaħ tul is-snin, u llum il-ġurnata l-Bank igawdi relazzjoni ta’ ħidma eċċellenti ma’ Mapfre S.A, li hija waħda mill-akbar fornituri tal-assigurazzjoni fi Spanja b’operazzjonijiet kummerċjali li jestendu għall-Amerika Latina u l-Maghreb.

Ekonomija

Sport