L-ekonomija Maltija ilha aktar minn għaxar snin tikber b’mod konsistenti tant li issa saret iktar robusta milli qatt kienet. Anki l-aħħar tbassir ekonomiku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta juri dan tant li t-tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross hu pproġettat għal 3.8% din is-sena segwit minn 3.6% fl-2027 u 3.8% fl-2028.
Dan ir-riżultat stupend ta’ tkabbir ekonomiku kontinwu mistenni jwassal biex id-defiċit – id-disparità bejn id-dħul u l-ħruġ tal-gvern – mistenni jkompli jonqos u minn 2.2% tal-PDG din is-sena hu mbassar li jinżel għal 1.6% fis-sena 2028. L-istess id-dejn nazzjonali li huwa mistenni li jkun ta’ 44.2% sal-2028, figura ferm inqas minn dak li tobbliga l-Unjoni Ewropea.
Imma t-tkabbir ekonomiku ftit li xejn ikun jagħmel sens għall-ħaddiema jekk huma ma jkollhomx pagi xierqa u diċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol suret in-nies. Ikun inutli wkoll jekk il-ħaddiem innifsu ma jagħrafx il-ħtieġa li jkun organizzaat fi trejdunjin biex ikun jista’ jipproteġi l-kisbiet li għamel matul il-milja tas-snin.
Huwa minnu wkoll li l-avvanzi kbar ekonomiċi u soċjali li pajjiżna kiseb matul dawn l-aħħar snin inkisbu sforz ħidma sfieqa li kienet ibbażata fuq tħaddim fiskali għaqli li l-għan ewlieni tiegħu kien imsejjes fuq il-ġustizzja soċjali u fuq il-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol kif ukoll l-illitteriżmu.
Illum il-ġurnata ħadd ma jista’ jinnega li l-qgħad u n-nuqqas ta’ xogħol m’għadux problema ewlenija f’pajjiżna. Illum, flok il-ħaddiem jitħabat biex isib imqar impjieg, għandna sitwazzjoni fejn ix-xogħol qed jiġri wara l-ħaddiema u mhux isib biżżejjed ħaddiema biex jaħdmu. Għalhekk f’ċertu setturi hemm dipendenza fuq il-ħaddiema barranin.
F’dan il-kuntest irridu nfakkru li kien hemm żminijiet meta fin-narrattiva politika kien hemm min jargumenta li “Labour Won’t Work”. Mhux talli “Labour did Work”, talli llum mhux impjiegi jeżistu imma opportunitajiet ta’ xogħol li jekk ma jitħallsux b’pagi għoljin u kundizzjonijiet diċenti mhux jinstabu ħaddiema għalihom.
B’danakollu, ma jfissirx li m’għadx fadal problemi fis-settur tal-impjiegi. U żgur li fadal x’jiġi indirizzat tant li aħna konxji li għad hawn min li għadu jabbuża mill-ħadiema tiegħu, patikularment ħaddiema minn pajjiżi terzi, li jħallashom paga miżera.
Fl-istess ħin nifhmu, anzi napprezzaw, il-miżuri li ttieħdu biex joħorġu lil dawn il-ħaddiema mill-prekarjat. Imma dawn huma sitwazzjonijiet li ma jissolvewx mil-lum għal għada imma jinħtieġu diskussjonijiet, perseveranza u rieda tajba.
Dan aħna mhux biss nammirawh imma nibqgħu nsostnuh għaliex id-dinjità tal-ħaddiema tiġi qabel kull interess ieħor. Il-ħaddiema mhumiex biċċa għodda li tiġi manipulata skont il-bżonn minn min iħaddmu imma kull ħaddiem huwa bniedem li għandu dinjità u dik id-dinjità trid tiġi rispettata kull ħin u kull mument.
