“Qegħdin insibu ma’ wiċċna żieda fl-ispejjeż marbutin mal-prodotti tal-ikel. Mhux biss kien hemm xi kumpaniji li għollew il-prodotti imma anke l-ħlas marbut mat-trasport qiegħed jogħla”. Dan iddikjarah ma’ IT-TORĊA importatur, li ma naqasx li jgħid li l-previżjoni tiegħu huma li fix-xhur li ġejjin l-inflazzjoni fl-Ewropa se terġa’ tgħolli rasha. L-importatur spjegalna li “għandek żieda fl-ispiża tal-produzzjoni. Bdiewa Ewropej qegħdin iħallsu aktar għall-elettriku, fjuwil, għalf tal-annimalu u l-fertilizzanti – fejn il-prezz ta’ dawn sploda. Minħabba xi diżastri naturali, hemm prodotti li hemm produzzjoni inqas tagħhom u għalhekk għolew fil-prezz. Il-kunflitt internazzjonali u t-tensjonijiet kummerċjali ukoll qegħdin jagħmlu tagħhom.
Illum minħabba l-mod kif żdied il-prezz tal-fjuwil, it-trasport u d-distribuzzjoni sar jiswa ferm u ferm aktar. Hu ċar ħafna li l-prezzijiet tal-enerġija reġgħu qed joħolqu pressjoni fuq l-ekonomija Ewropea u dan wassal għal aktar żidiet fl-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-ikel. Aħna qegħdin niġu infurmati li l-possibilitả hi li jkun hemm żidiet fi prezzijiet ta’ prodotti tal-agrikoli”, sostna l-istess importatur.
L-Italja u pajjiżi oħra diġà intlaqtu sew
Jgħidilna li “ftit tal-jiem ilu rajna kif l-ixkafef ta’ supermarkets f’żoni fl-Italja kienu vojta wara li xufiera tat-trakkijiet, li kienu qed jipprotestaw kontra l-ispiża tad-diżil, imblukkaw toroq u portijiet madwar ir-reġjun għal madwar ġimagħtejn. Din l-azzjoni ħalliet diversi ħwienet fin-nofsinhar tal-Italja b’diffikultà kbira biex jimlew l-ixkafef.
Fost il-prodotti li bdew jonqsu kien hemm il-laħam, il-ħalib frisk, il-frott u l-ilma bbottiljat. Aħna nirċievu rapporti mill-Italja, għax insegwu is-suq. Il-prezzijiet tal-ikel mhux ipproċessat żdiedu b’7 fil-mija f’Ottubru meta mqabbla mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. F’Settembru kien hemm żieda ta’ 5 fil-mija. L-ispiża ta’ basket tipiku ta’ prodotti tal-ikel, tad-dar u għall-kura personali żdiedet ukoll b’ritmu aktar mgħaġġel, b’żieda kważi 3 fil-mija, meta mqabbla ma’ 1.5 fil-mija fix-xahar ta’ qabel. Dan li qiegħed iseħħ fl-Italja qiegħed jiġri ukoll f’pajjiżi oħra. L-inflazzjoni fiż-żona ewro laħqet l-4 fil-mija f’Ottubru, l-ogħla livell f’aktar minn tliet snin.
Il-prezzijiet tal-enerġija kienu l-fattur ewlieni wara din iż-żieda, hekk kif l-ispejjeż tal-fjuwil, l-elettriku u t-tisħin żdiedu b’20.8 fil-mija fuq bażi annwali.”
Jiddikjara li “jekk tieħu l-inflazzjoni fiż-żona ewro u fl-effett tagħha issib li l-impatt kien partikolarment qawwi fis-suq tal-prodotti tal-ikel frisk. Il-prezzijiet tal-ikel mhux ipproċessat, inklużi l-frott, il-ħaxix, il-laħam u l-ħut, żdiedu b’4.6 fil-mija f’Ottubru, meta mqabbla ma’ 2.7 fil-mija f’Awwissu. Prezzijiet ta’ ikel ipproċessat, l-alkoħol u t-tabakk irreġistraw żieda annwali ferm aktar limitata ta’ 0.5 fil-mija. Il-prodotti friski huma vulnerabbli ħafna għaż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija. Dan għax il-makkinarju agrikolu jiddependi fuq id-dijżil, is-serer jeħtieġu t-tisħin u l-prodotti li jitħassru malajr iridu jiġu ttrasportati bit-triq fi żmien qasir, apparti l-fertilizzanti. Dawn il-pressjonijiet iħallu lill-produtturi u lill-bejjiegħa b’possibbiltajiet limitati biex jassorbu ż-żieda fl-ispejjeż operattivi.”
Fi Franza żieda fil-prezzijiet tal-ikel… anki fil-Ġermanja
Jekk wieħed jieħu s-suq Franċiż isib li “l-prezzijiet ġenerali tal-ikel żdiedu bi kważi 1.3 fil-mija f’Ottubru, filwaqt li l-prodotti friski kellhom żieda ta’ xejn inqas minn 8 fil-mija, metą mqabblin ma’ l-istess perjodu s-sena ta’ qabel. Dan jiddikjarah l-uffiċċju tal-istatistika INSEE.
Jekk wieħed jieħu lil Spanja, jara li l-prezzijiet tal-ikel komplew jogħlew f’Ottubru, għalkemm b’ritmu annwali aktar kajman.
Fil-Ġermanja, il-prezzijiet tal-ikel irreġistraw żieda aktar moderata ta’ 0.4 fil-mija, filwaqt li fil-Portugal il-prezzijiet tal-ikel mhux ipproċessat żdiedu b’3.7 fil-mija.
L-inflazzjoni mbassra li tilħaq l-4.5 fil-mija
Jekk wieħed ikollu janalizza x’qegħdin jgħidu analisti internazzjonali isib li t-tbassir tagħhom hu li l-inflazzjoni se tkompli togħla fix-xhur li ġejjin. Per eżempju Pantheon Macroeconomics qegħdin ibassru li l-inflazzjoni fiż-żona tal-ewro tista’ tilħaq 4.5 fil-mija f’Jannar. Huma qegħdin jistennew li l-Bank Ċentrali Ewropew jgħolli r-rati tal-imgħax f’Diċembru.
L-inflazzjoni fiż-żona tal-ewro tilħaq l-ogħla livell fi tliet snin
Intant l-inflazzjoni fiż-żona tal-ewro telgħet għal 4 fil-mija f’Ottubru, l-ogħla livell fi tliet snin, skont stima preliminari ppubblikata nhar l-Erbgħa. Dan meta f’Settembru kienet ta’ 3.8 fil-mija. Ingħad li ż-żieda kienet prinċipalment ikkawżata mill-ispejjeż dejjem jogħlew tal-enerġija, fejn l-inflazzjoni fil-qasam tal-enerġija telgħet għal 20.8 fil-mija, minn 18.9 fil-mija f’Settembru.
Ottubru kien l-ewwel xahar minn Settembru tas-sena 2023 li fih l-inflazzjoni fiż-żona tal-ewro laħqet jew qabżet il-livell ta’ 4 fil-mija. F’Settembru tas-sena 2023 kienet laħqet l-4.3 fil-mija. L-inflazzjoni varjat ukoll fost il-21 pajjiż taż-żona tal-ewro. Il-Litwanja rreġistrat l-ogħla rata, b’6.1 fil-mija, filwaqt li Malta kellha l-inqas rata, ta’ 2.3 fil-mija. Madankollu, il-pajjiżi kollha taż-żona tal-ewro rreġistraw inflazzjoni ogħla mill-mira ta’ 2 fil-mija tal-Bank Ċentrali Ewropew.
X’se jagħmel il-Bank Ċentrali Ewropew? …kollox jindika li se jżid ir-rata ta’ interessi
Quddiem din ir-rata ta’ inflazzjoni, li hi mbassra li tkompli tiela, l-istennija hi x’se jagħmel il-Bank Ċentrali f’Diċembru f’dawk li huma rati ta’ interessi. Kollox jindika li hemm ċans qawwi li l-Bank Ċentrali Ewropew jerġa’ jgħolli l-interessi f’Diċembru. F’Ottubru, l-Bank Ċentrali ħalla l-interessi kif inhuma, b’rata ta’ depożitu ta’ 2.50 fil-mija. L-indikazzjonijiet huma li r-rati se jitilgħu b’0.25 fil-mija għal 2.75 fil-mija.
Soprataxxi ġodda fuq trasport bil-baħar
L-importatur li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “t-trasport bil-baħar, għalkemm hemm xi rotot li baqgħu stabbli ukoll sar aktar għali. Dan is-settur qiegħed jintlaqat minn żieda fil-prezz tal-fjuwil marittimu, li żdied b’mod qawwi, u l-kumpaniji qed idaħħlu soprataxxa. Ma’ dan għandek ir-riskji fil-Golf Għarbi u l-problemi fir-rotot tal-baħar qed iżidu l-ispejjeż u l-inċertezza. It-tariffi għal ġarr bil-baħar bejn l-Asja u l-Mediterran għadhom għoljin, għalkemm xi rotot riċentament stabilizzaw jew naqsu ftit. Fl-aħħar sigħat tħabbru soprataxxi minn kumpanija ta’ $750 għal kontenitur ta’ 20 pied u $1,500 għal kontenitur ta’ 40 jew 45 pied. Din tapplika mir-rotta tal-Lvant Imbiegħed lejn il-Mediterran mit-23 ta’ Novembru 2026, inkluża Malta. Din bla dubju ta’ xejn li lilna se taffettwana b’mod negattiv ħafna”, itemm jgħidilna l-importatur.
