Messaġġi fuq il-mowbajl jikxfu rabtiet ma’ xibka ta’ traffikar tad-droga – raġel jinżamm arrestat

Aqra wkoll

Leone Agius, ta’ 39 sena, wieġeb mhux ħati ta’ akkużi relatati mat-traffikar tal-kannabis sintetika u l-eroina. Il-Pulizija ma teskludix aktar arresti hekk kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Informazzjoni li l-Pulizija sabet fuq il-mowbajl ta’ raġel arrestat f’Ta’ Ġiorni, San Ġiljan, wasslet lill-investigaturi biex jidentifikaw rabtiet ma’ xibka usa’ ta’ traffikar tad-droga.

Leone Agius, ta’ 39 sena minn San Ġiljan, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bil-pussess u t-traffikar ta’ kannabis sintetika u eroina, kif ukoll li huwa reċidiv.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

L-arrest tiegħu kien parti minn żewġ investigazzjonijiet separati tal-Pulizija f’San Ġiljan u l-Marsa, li wasslu għall-arrest ta’ seba’ persuni, fosthom żagħżugħ ta’ 16-il sena, u s-sekwestru ta’ droga suspettata u eluf ta’ ewro fi flus kontanti.

Xhur ta’ sorveljanza fuq l-akkużat

Fil-Qorti ntqal li l-Pulizija kienet ilha diversi xhur tiġbor informazzjoni dwar Agius, wara rapporti li kienu jorbtu ismu mal-bejgħ tad-droga.

L-investigaturi bdew iżommu taħt sorveljanza l-inħawi tar-residenza tiegħu f’Ta’ Ġiorni, fejn innutaw attività suspettuża.

Fost l-oħrajn, ġew osservati persuni magħrufa li għandhom problemi ta’ dipendenza fuq id-droga jagħmlu skambji żgħar fl-inħawi.

Il-Pulizija stabbiliet ukoll li Agius kien ilu madwar tliet ġimgħat ma jmur f’ċentru tad-detossifikazzjoni biex jiġbor il-medikazzjoni tiegħu.

L-investigazzjoni wasslet għal rejd fir-residenza tiegħu fi Triq Sir Joseph Carbone, f’Ta’ Ġiorni.

Waqt tfittxija fil-kamra tas-sodda, il-Pulizija sabet madwar 100 gramma ta’ sustanza suspettata li hija kannabis sintetika, maqsuma f’diversi pakketti u moħbija taħt is-sodda u ġewwa basket tal-idejn.

Instab ukoll ammont żgħir ta’ sustanza suspettata li hija eroina.

Il-Pulizija ma teskludix aktar arresti

L-investigaturi eżaminaw ukoll il-mowbajl tal-akkużat, li minnu ħarġet informazzjoni li tindika rabtiet ma’ xibka usa’ ta’ traffikar tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li spjegat li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u li mhux eskluż li jiġu arrestati aktar persuni.

Il-Prosekuzzjoni rrimarkat ukoll li l-akkużat jinsab bla xogħol u għandu problema ta’ dipendenza fuq id-droga.

Oħtu tgħid li jieħu ħsieb lil ommhom

Waqt is-seduta, oħt l-akkużat telgħet tixhed u offriet li tassumi r-responsabbiltà li żżomm għajnejha fuqu jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Hija spjegat li ħuha għandu rwol importanti fil-kura ta’ ommhom, li tiddependi ħafna fuqu.

Minkejja l-problema tiegħu bid-dipendenza, il-mara insistiet li Agius huwa kapaċi jieħu ħsieb lil ommhom u qalet li kienet lesta tissorveljah.

Madankollu, il-Prosekuzzjoni żammet mal-oġġezzjoni tagħha, filwaqt li argumentat li l-akkużat ma kien wera l-ebda rieda li jibdel l-istil ta’ ħajja tiegħu.

Il-Pulizija esprimiet ukoll tħassib dwar il-periklu li s-sustanzi misjuba fir-residenza setgħu joħolqu għal ommu, minħabba li għandha problemi fil-vista.

Min-naħa tagħha, id-Difiża saħqet li Agius kien ikkoopera mal-Pulizija matul l-investigazzjoni kollha.

Minkejja dawn l-argumenti, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li Agius jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Mercieca u l-avukata tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Ylenia Marie Abela.

Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Francesca Zarb.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport