Art ta’ 25,000 metru kwadru f’Ħal Għaxaq riġenerata u trasformata f’żona għall-picnics

Aqra wkoll

Project Green għadha kemm lestiet xogħol ta’ riġenerazzjoni fuq art ta’ madwar 25,000 metru kwadru fi Triq l-Andar, f’Ħal Għaxaq. Żona li għal diversi snin kienet abbandunata llum ingħatat ħajja ġdida u ġiet trasformata f’żona għall-picnics.

Ġnien taż-żebbuġ ġie inawgurat uffiċjalment mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli. Preżenti kien hemm it-tim ta’ Project Green, is-Sindku Karl Boxall u rappreżentanti oħra tal-kunsill ta’ Ħal Għaxaq.

B’investiment ta’ aktar minn miljun ewro, dan l-ispazju jinkludi ġibjun ta’ madwar 60 metru kubu li se jiġbor l-ilma tax-xita, li se jintuża għat-tisqija tal-istess spazju, kif ukoll il-bini ta’ faċilitajiet pubbliċi. Inbnew ukoll ħitan tas-sejjieħ mal-konfini tal-ispazju, filwaqt li ġew installati gradi fejn meħtieġ. Għal aktar sigurtà, ġiet installata wkoll sistema ta’ CCTV.

Bħala parti mix-xogħol li sar ġew installati bankijiet u mwejjed għall-pikniks, żona għall-parkeġġ tar-roti, filwaqt li għat-tfal saru bankijiet adattati, kif ukoll logħob interattiv. Ġie installat tagħmir li jinkoraġġixxi logħob attiv qalb in-natura, filwaqt li jgħin fl-iżvilupp tal-bilanċ u l-koordinazzjoni tat-tfal u jrawwem sens ta’ avventura u esplorazzjoni.

Matul il-fażijiet kollha tax-xogħlijiet, inżammu u ġew protetti għadd kbir ta’ siġar eżistenti, fosthom aktar minn 500 siġra taż-żebbuġ. Dan in-numru kompla jiżdied bit-tħawwil ta’ madwar 150 siġra u 440 arbuxxell oħra, li, minbarra li joffru dell lil dawk li jżuru dan il-park, ikomplu jsaħħu l-bijodiversità.

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli spjegat kif l-investiment li sar f’dan il-park f’Ħal Għaxaq wassal għat-trasformazzjoni ta’ din iż-żona fi spazju miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd. “F’Ġnien taż-żebbuġ komplejna nħarsu l-elementi ekoloġiċi tal-park. Żammejna aktar minn 500 siġra taż-żebbuġ eżistenti u komplejna nsaħħu l-ambjent naturali permezz tat-tħawwil ta’ aktar siġar u arbuxxelli. Fl-istess waqt, investejna f’infrastruttura sostenibbli, fosthom ġibjun li jiġbor l-ilma tax-xita biex jintuża għat-tisqija ta’ dan l-ispazju. Ħloqna żona ta’ rikreazzjoni aċċessibbli fejn il-familji jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-kap tal-proġetti Benjamin Vassallo, li ħadem fuq dan il-proġett, qal kif l-għan ewlieni tal-proġett huwa li jinżamm il-karattru naturali ta’ dan is-sit. “F’dan il-proġett rajna li jsiru interventi minimi, biex nibqgħu nżommu l-karatteristiċi naturali tiegħu. B’hekk, rajna li jiġi ppreservat l-abitat eżistenti u tiġi evitata kwalunkwe interruzzjoni bla bżonn għall-bijodiversità li diġà teżisti fis-sit,” qal Benjamin Vassallo.

“Din iż-żona ilha abbandunata għal għexieren ta’ snin, iżda grazzi għal Project Green, twettaq dan il-proġett biex jitgawda mir-residenti Għaxqin, kif ukoll mir-residenti Maltin u Għawdxin. Madankollu, l-aktar li se jgawdu minn dan il-frott se jkunu r-residenti Għaxqin. Illum il-ġurnata, jistgħu jiġu jgawdu dan il-proġett mal-familji u mat-tfal tagħhom u jgawdu l-ġonna, kif dejjem xtaqna li jkollna. Inħeġġeġ għall-kooperazzjoni ta’ kull min se jżur dan l-ispazju biex jinżamm nadif, ħalli jkun jista’ jitgawda minn kulħadd. Minn hawn nirringrazzja lil Project Green għal dan il-proġett,” saħaq is-Sindku Karl Boxall.

Dan il-proġett f’Ħal Għaxaq ġie kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport