Malta tfakkar il-vittmi taż-żewġ Gwerer Dinjija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Malta dalgħodu ngħaqdet mal-pajjiżi tal-Commonwealth biex tfakkar lil dawk li tilfu ħajjithom fiż-żewġ Gwerer Dinjija. 

Fl-okkażjoni ta’ Jum it-Tifkira, l-Arċisqof Charles J. Scicluna kkonċelebra quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Qabel il-quddiesa, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono spezzjonat il-Gwardja tal-Unur mill-Forzi Armati ta’ Malta, bis-sehem ukoll tal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna qal li llum nagħtu ġieħ lil dawk kollha li tilfu ħajjithom fil-gwerra, fosthom il-ħafna li sabu l-aħħar mistrieħ tagħhom hawn Malta. 

Qal li wara kull isem hemm persuna, ħajja umana, familja li baqgħet tibki t-telfa tagħha, u tamiet u ħolm li qatt ma setgħu jitwettqu.

L-Arċisqof qal li ż-żewġ Gwerer Dinjija – u l-ħafna gwerer u kunflitti li seħħew minn dak iż-żmien ’l hawn – ifakkruna fil-konsegwenzi terribbli ta’ meta n-nazzjonaliżmu jinbidel f’mibegħda, meta d-differenzi jsiru raġuni għad-diskriminazzjoni u meta tintesa d-dinjità tal-bniedem.

Huwa kompla billi appella għar-rispett lejn il-barranin li jgħixu fostna u saħaq li kulħadd għandu dinjità. Enfasizza li: “Persuna tista’ tkun ikklassifikata mil-liġi bħala ċittadin ta’ pajjiż terz – jew TCN, kif drajna nsejħu lil dawk li aħna stess stedinna jiġu jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna – iżda ħadd mhu bniedem tat-tielet klassi f’għajnejn Alla. Ħadd.”

L-Arċisqof fakkar ukoll kif l-istorja tgħallimna kemm dwar it-tbatija li ġġib magħha l-gwerra, kif ukoll dwar l-importanza tas-solidarjetà.

“Illum aħna msejħin biex inħarsu u nżommu ħaj dan l-ispirtu ta’ umanità, mhux billi nwarrbu l-identità tagħna, iżda billi nesprimu dak li hemm l-isbaħ fiha permezz tar-rispett, tal-kompassjoni u tal-ospitalità,” qal l-Arċisqof Scicluna.

Wara l-quddiesa, saret ċerimonja ta’ tifkira biswit il-Monument tal-Gwerra, fil-Furjana. Matul din iċ-ċerimonja tqiegħdu kuruni tal-fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Gwerra mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u persuni distinti oħra.

Il-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħra ffurmaw flimkien Gwardja tal-Unur għal matul iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-kuruni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport