Saturday, December 21, 2024

Imut id-detentur tar-rekord tad-dinja tal-maratona f’aċċident tat-traffiku

Aqra wkoll

Id-detentur tar-rekord dinji tal-maratona tal-irġiel, Kelvin Kiptum tal-Kenja, ta’ 24 sena miet f’inċident tat-traffiku f’pajjiżu.

Huwa nqatel flimkien mal-coach tiegħu, Gervais Hakizimana, fil-Punent tal-Kenja.

Kiptum kiteb l-istorja proprju s-sena li għaddiet meta għeleb lil Eliud Kipchoge … leġġenda tal-maratona.

U kien f’Chicago f’Ottubru li għadda li Kiptum tejjeb il-kisba ta’ Kipchoge, billi għamel is-26.1 mil (42km) f’sagħtejn u 35 sekonda.

Iż-żewġ atleti kienu ssemmew fit-tim proviżorju tal-maratona tal-Kenja għall-Olimpjadi ta’ Pariġi aktar tard din is-sena.

Waqt li ta ġieħ lil Kiptum, il-Ministru għall-Isport tal-Kenja Ababu Namwamba kiteb fuq X: “Il-pajjiż kollu jinsab imnikket. Kenja tilfet ġawhra speċjali. Ninsab mingħajr kliem.”

Sebastian Coe, il-president tal-World Athletics, qal li Kiptum kien “atleta inkredibbli li ħalla wirt inkredibbli … se nħossu n-nuqqas tiegħu.”

Filwaqt li ngħataw aktar dettalji tal-ħabta, il-pulizija qalet li Kiptum kien is-sewwieq, u l-vettura “tilfet il-kontroll u mietu tnejn min-nies fuq il-post.”

Ekonomija

Sport