Friday, April 26, 2024

In-nies għadhom iridu jaraw supereroj

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Meta ddebutta “Doctor Strange in the Multiverse of Madness” fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, dan il-film kellu dħul ta’ $185 miljun mill-bejgħ tal-biljetti fit-teatri Amerikani u $265 miljun mid-49 pajjiż ieħor fejn diġà beda jintwera. Dan minkejja li “Doctor Strange 2” mhux ser jintwera fir-Russja u fiċ-Ċina.

B’hekk is-sequel jidher destinat li jmur ferm aħjar mill-ewwel film li rajna fl-2016 li b’kollox kellu dħul fil-box office ta’ $678 miljun.

Is-suċċess ta’ “Doctor Strange 2” jawgura tajjeb ħafna għall-blockbusters tas-sajf li mistennija jiddebuttaw fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn huma: “Top Gun: Maverick” (27 ta’ Mejju), “Jurassic World Dominion” (10 ta’ Ġunju) u “Thor: Love and Thunder” (8 ta’ Lulju).

Mill-bqija tan-naħa ta’ fuq tal-box office Amerikana nsibu: “The Bad Guys”, “Sonic the Hedgehog 2”, “Fantastic Beasts: The Secrets of Dumbledore” u fil-ħames post “Everything Everywhere All at Once”. 

Anamaria Vartolomei f’Happening

Film ieħor li ddebutta fil-jiem li għaddew fl-Istati Uniti kien il-film Franċiż “Happening” li rebaħ il-festival ta’ Venezja s-sena l-oħra.  Il-film hu dwar tfajla li tiddeċiedi li tagħmel abort sabiex tkun tista’ tlesti l-istudji tagħha mingħajr xkiel.  Din l-istorja sseħħ ġo Franza fl-1963 meta li tittermina tqala kien illegali. Il-film ħareġ fi ftit teatri f’New York u f’Los Angeles u kellu success relattiv, tant li spiċċa fil-15-il post. Bħalissa, dan is-suġġett reġa’ hu fuq l-aġenda politika Amerikana minħabba deċiżjoni fuq dan is-suġġett li mistennija tittieħed fil-Qorti Suprema tal-pajjiż.

Doctor Strange in the Multiverse of Madness

Dawk li jsegwu b’entużjażmu kbir il-films mill-Marvel Cinematic Universe iħossuhom għaddejjin minn perjodu eċitanti bl-attività kbira li għaddejja f’sequels li qed joħorġu. Diversi karattri huma deħlin u ħerġin bil-liġijiet tan-natura ma japplikawx għalihom. Jidher li din id-dinja tal-Marvel ser issir aktar bieżla wara “Spider-Man: No Way Home” li rajna f’Diċembru li għadda fejn kellna fantasija sħiħa tal-multivers (proċess mibdi minn Doctor Strange), li fih iltqajna mat-tliet atturi li ħadmu l-parti ta’ Spider-Man f’dawn l-aħħar 20 sena.

“Doctor Strange in the Multiverse of Madness” hu film sħiħ li jlaqqa’ u jurina l-effett fuq xulxin ta’ universi paralleli. Fl-ewwel film “Doctor Strange” (li rajna f’Novembru 2016), konna rajna kif il-karattru ta’ Stephen Strange beda bħala newrokirurgu. Huwa sofra ġrieħi kbar f’idejh waqt aċċident tat-traffiku. Beda jdur mad-dinja kollha sabiex ifejjaq il-ġrieħi tiegħu sakemm sab l-għajnuna f’The Ancient One (Tilda Swinton). Wara Dr. Strange bdejna nsibuh f’diversi partijiet tad-dinja, armat bid-don li jista’ joħloq ċrieki qawwija tad-dawl biex jegħleb l-għedewwa tiegħu.

F’dan is-sequel, sabiex jirrestawra dinja fejn kollox qed jinbidel, Strange jfittex l-għajnuna mill-alleat tiegħu Wong (Benedict Wong), is-Saħħar Suprem. Tidħol fix-xena Scarlet Witch, Wanda (Elizabeth Olsen). L-intenzjoni ta’ Wanda u għala tkun trid il-poter ta’ America Chavez (Xochitl Gomez) ser inħallih għal min ser jagħmel il-film biex ma ntellifx is-sorpriża. Iżda t-theddida li tkun qed taffaċċja l-umanità hi terribbli u ma tistax tingħeleb bil-qawwa ta’ Strange biss. Saħansitra aktar sorprendenti, hi li l-akbar theddida fl-univers tidher waħda li tkun tixbah lil Doctor Strange.

Xochitl Gomez, Benedict Wong u Benedict Cumberbatch f’Doctor Strange in the Multiverse of Madness

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Sam Raimi (li qed jirritorna fuq is-siġġu tad-direzzjoni wara disa’ snin), il-film għandu wkoll dawk l-elementi tal-biża’ li għalihom id-direttur hu aktar assoċjat magħhom. Irridu niftakru li apparti l-ewwel triloġija ta’ “Spider-Man” li bdiet fl-2002, Raimi hu assoċjat ħafna mal-films tal-orrur bħal “The Evil Dead”, “Army of Darkness” u “Drag Me To Hell”.  Waħda mix-xeni fejn Raimi juri l-għeruq tiegħu hi meta Strange jattendi għal tieġ ta’ Dr. Christine Palmer (Rachel McAdams), li hi l-kollega li qatt ma waqaf jiddispjaċih li telaqha. Monstru li qisu xi qarnita jagħmel ħerba. Assistit minn Wong, Strange ftit li xejn ikollu tbatija sabiex jeqirdu. Imma dan il-monstru kien sempliċi messaġġier. Dan kien mibgħut biex jaqbad lil America Chavez, żagħżugħ li jkollu l-ħila li jista’ jgħaddi minn univers għall-ieħor.

Benedict Cumberbatch jidher li daħal sew f’din il-parti. Jagħti wkoll interpretazzjoni tajba Chiwetel Ejiofor fil-parti ta’ Karl Mordo, is-Saħħar Suprem ta’ Earth-838 u membru tas-soċjetà sigrieta Illuminati. Mordo jkun verżjoni alternattiva tal-ex mentor ta’ Strange li issa sar għadu.

Għal dawk li jħobbu dawn it-tip ta’ films, “Doctor Strange in the Mutiverse of Madness”, hu divertenti u mimli effetti viżwali tal-ogħla livell. Parti sostanzjali mill-baġit ta’ $200 miljun marru biex inħolqu dawn l-effetti viżwali.

Attenti għall-post-credit scenes u għas-sehem ta’ Charlize Theron li ma tintroduċix lilha nnifisha.  Imma fil-lista tal-credits, Theron hi mniżżla li għandha l-parti ta’ Clea. Dawk li huma midħla sew tal-komiks jafu sew min hi Clea. Bħal Strange, Clea hi saħħara u ġejja mid-Dark Dimension. Clea jkollha storja twila u kkumplikata. Sa issa, il-Marvel huma muti dwar kif ser jiżviluppaw dan il-karattru fil-multivers li qed joħolqu.

Gwida għal min ser jara “Doctor Strange in the Multiverse of Madness”: 12A (hu rakkomandat li tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) għax fih xi xeni ħfief tal-biża’, vjolenza u dettall fuq il-feriti kkaġunati.

Sport