Thursday, May 2, 2024

In-numru ta’ mwiet f’Gaża jaqbeż l-34,000

Aqra wkoll

In-numru ta’ mwiet mill-bidu tal-kunflitt f’Gaża qabeż l-34,000, bil-maġġoranza tal-vittmi jkunu nisa u tfal fosthom minn tal-inqas sitta li nqatlu fis-sigħat li għaddew f’attakk mill-ajru li laqat residenza f’Rafah.

Skont l-awtoritajiet tas-saħħa mmexxija mill-Ħamas f’Gaża ndarbu wkoll sa issa 77,000 persuna. Dawn iċ-ċifri ma jagħmlux distinzjoni bejn in-nies ċivili u l-ġellieda tal-Ħamas, bil-militar ta’ Iżrael jgħid li qatel aktar minn 13,000 militant.

L-alleati internazzjonali tal-Iżrael u l-organizzazzjonijiet umanitarji li jaħdmu f’Gaża wissew li offensiva fuq skala kbira f’belt mimlija nies spostati mit-Tramuntana ta’ Gaża tista’ tkun devastanti.

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li l-Iżrael m’għandux jidħol f’Rafah mingħajr pjanijiet kredibbli biex jipproteġi liċ-ċittadini, u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin mill-pajjiżi tal-G7 qalu li kienu qed jopponu li ssir operazzjoni militari ta’ din ix-xorta minħabba li tista’tkun “katasfrofika” għan-nies li qed jgħixu hemm.

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qed isostni li erba’ brigati ta’ ġellieda tal-Ħamas qed jinħbew hemmhekk, bil-gvern tiegħu jwiegħed li “jeqred” dan il-grupp, wara l-attakki tas-7 ta’ Ottubru meta l-militanti qatlu madwar 1,200 persuna ġewwa Iżrael u ħadu 250 persuna oħra bħala ostaġġi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport