Wednesday, July 24, 2024

Inawgurat ċentru fil-komunità tal-Aġenzija Sapport għal persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Persuni b’diżabilità ser ikunu qed jibbenefikaw minn servizzi u programmi individwalizzati permezz ta’ ċentru ġdid fil-komunità mmexxi minn Aġenzija Sapport. B’investiment ta’ aktar minn €200,000, Ġirasol, dar f’Tal Virtù, ir-Rabat, ġiet attrezzata b’faċilitajiet sabiex professjonisti differenti minn Aġenzija Sapport ikunu jistgħu jwettqu sessjonijiet speċjalizzati ma’ persuni b’diżabilità skont il-pjan individwali mħejji magħhom.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fejn tenniet li din l-inawgurazzjoni timmarka l-implimentazzjoni ta’ miżura elettorali oħra. 

Il-programmi jinkludu sessjonijiet ta’ għajxien indipendenti minn Support Workers, Occupational Therapists u oħrajn, sessjonijiet prattiċi individwali jew fi gruppi għal persuni b’diżabilità li qed ifittxu impjieg permezz tal-Way to Work, u attivitajiet soċjali individwali jew fi gruppi bejn persuni b’diżabilità u voluntiera bħala parti mis-servizz ta’ Sharing Lives.

Il-pjan ta’ dan il-proġett ġie żviluppat wara li ġie osservat li persuni b’diżabilità li jirċievu servizzi minn Aġenzija Sapport, jibbenefikaw aktar jekk isegwu programm strutturat f’ambjent addattat. Dan il-proġett ikompli jifrex is-servizzi tal-Aġenzija fil-komunità, iżid l-aċċessibilità għas-servizzi, kif ukoll jiffaċilita l-implimentazzjoni tas-servizzi billi joffri spazju li hu maħsub għal persuni bi bżonnijiet differenti.

Il-Ministru Farrugia Portelli fissret kif dan iċ-ċentru huwa xhieda tal-impenn tal-aġenzija li toffri lill-persuni b’diżabilità l-aqwa servizz. “Li dan iċ-ċentru huwa f’nofs il-komunità Rabtija mhux b’kumbinazzjoni. Dan fih innifsu jibgħat messaġġ li l-persuni b’diżabilità huma parti integrali mill-komunità. Dan iċ-ċentru se jservi bħala punt ta’ referenza għall-professjonisti biex jissorveljaw aktar l-iżvilupp ta’ persuni b’diżabilità fuq bażi individwali. Bħala Gvern se nkomplu ninvestu f’dawn it-tip ta’ programmi u servizzi hekk kif qed iħallu frott u riżultati tajbin fl-iżvilupp ta’ ħafna persuni,” temmet tgħid il-Ministru.

Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, spjega kif dan il-proġett fil-komunità jorbot mal-mixja tal-aġenzija lejn provvediment ta’ programmi fil-komunità biex iżidu l-abilitajiet ta’ persuni b’diżabilità għal għajxien indipendenti, fejn jistgħu jitħarrġu f’affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum u li b’sapport personalizzat jistgħu jitgħallmu jagħmlu affarijiet mingħajr jew b’inqas assistenza. Dan fil-fatt hu wkoll il-qofol tal-istrateġija tal-aġenzija lejn deistituzzjonalizzazzjoni.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus tenna l-impenn tal-Kunsill Lokali favur aktar proġetti ta’ din ix-xorta. “L-element inklużiv jibqa’ pilastru ewlieni tal-ħidma tagħna. Determinati li nkomplu niżguraw li s-soċjetà u l-ambjent urban ta’ madwarna mhux biss ikunu kompletament aċċessibbli, iżda joffru l-aqwa għajnuna possibbli qrib kemm jista’ jkun tal-komunità. Proġetti ta’ din ix-xorta nilqgħuhom u se nibqgħu naħdmu favur tagħhom,” temm jgħid is-Sindku.

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Nancy Caruana, l-arċipriet tal-lokal Fr Joseph Mizzi u l-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali tar-Rabat.

Ekonomija

Sport