Wednesday, April 24, 2024

Inawgurat ċentru tal-volontarjat f’Għawdex wara rinnovazzjoni estensiva tal-binja

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli inawguraw il-proġett taċ-Ċentru tal-Volontarjat fix-Xewkija Għawdex. Dan wara investiment ta’ aktar minn €40,000 mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li ħa ħsieb ix-xogħlijiet estensivi ta’ mmodernizzar li saru f’din il-binja. Dan iċ-Ċentru tal-Volontarjat ser iservi ta’ one-stop-shop fejn l-għaqdiet volontarji Għawdxin ikunu moqdija b’faċilitajiet u riżorsi aġġornati. Fil-fatt, il-ftuħ tiegħu jimmarka t-tlestija ta’ miżura oħra tal-Budget ta’ din is-sena. Iċ-ċentru jista’ jintuża 24 siegħa kuljum b’sistema ta’ kalendarju u aċċess online li permezz tagħhom l-għaqdiet volontarji jistgħu jibbukkjaw l-użu tal-binja b’mod mill-aktar faċli. Fost l-oħrajn iċ-Ċentru huwa mgħammar b’faċilitajiet moderni li jinkludu conference room u ġnien għall-użu tal-għaqdiet.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li f’dan iċ-ċentru saret rinnovazzjoni mill-ħaddiema tal-Gvern. Filwaqt li nirringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol li għamlu sabiex illum għandna dan iċ-ċentru modernizzat, issa l-għaqdiet volontarji Għawdxin għandhom diversi uffiċini u swali fejn jistgħu jaħdmu kif ukoll outdoor area. Għalhekk għandhom post komdu li jilqa’ l-esiġenzi tagħhom kif ukoll tal-pubbliku. Għaldaqstant, kompla jgħid li jħares ’il quddiem għal aktar xogħol b’mod speċjali fejn jidħol is-settur tal-volontarjat li huwa tant importanti għall-gżira Għawdxija.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli tenniet l-impenn tal-Gvern li jkompli jestendi aktar għajnuna lill-għaqdiet volontarji, liema għajnuna tkun dejjem aktar aċċessibbli fil-komunitajiet tagħna. “Dan iċ-ċentru f’Għawdex issa jingħaqad maċ-ċentri l-oħra ta’ Malta biex joffri għajnuna lill-għaqdiet Għawdxin fl-operat ta’ kuljum tagħhom. “Bħala Gvern impenjati li nkomplu nagħmlu ħajjet l-għaqdiet volontarji tagħna dejjem aktar faċli, u l-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru f’Għawdex se jagħmel proprju dan. Aħna nemmnu fl-importanza tal-volontarjat fis-soċjetà tagħna u se nkomplu nkunu ta’ spalla għall-għaqdiet li jagħmlu tant ġid fil-komunitajiet tagħna”, temmet tgħid il-ministru.

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandolo u d-Direttur tad-Diviżjoni tal-Operat fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar Joyce Farrugia. Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal li huwa inkoraġġanti li tara l-koperazzjoni kbira li kien hemm bejn Ministeri u entitajiet differenti, li lkoll għamlu l-almu tagħhom bit-tir li jkollna ċentru li jkun it-tieni dar għall-għaqdiet Għawdxin. “Inħares ’il quddiem li nara ħafna proġetti jinbtu u inizjattivi ġodda f’dan il-post bl-appoġġ kollu li hemm bżonn, għax b’hekk ikun ifisser li dan iċ-ċentru qiegħed jilħaq il-milja tiegħu”, temm jgħid is-Sur Pace Parascandolo.

Dan l-uffiċċju mhux biss ser iservi bħala binja għall-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, iżda ser jilqa’ fih l-operat tas-Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) filwaqt li jintuża wkoll mill-għaqdiet irreġistrati bħala VOs fejn jistgħu jużaw dan l-ispazju biex jiltaqgħu u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom. Iċ-ċentru se jservi wkoll ta’ one-stop-shop ta’ għajnuna u appoġġ lill-voluntiera u għaqdiet volontarji Għawdxin. Dan se jikkumplimenta t-tliet ċentri li diġà jaħdmu b’dan il-mod f’Malta, li jinsabu fil-Belt, ir-Rabat u Birkirkara. Iċ-ċentru tax-Xewkija ġie rinnovat mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Operat fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.

Sport