Friday, May 3, 2024

Inawgurat iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid tar-Rabat Għawdex

Aqra wkoll

Fil-gżira Għawdxija d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, inawguraw Ċentru tas-Saħħa ġdid ġewwa r-Rabat li se jkun qed joffri mat-12-il servizz lill-pazjenti Għawdxin viċin darhom.

Dan iċ-Ċentru tas-Saħħa modern, mifrux fuq żewġ sulari, se jkun qed isaħħaħ il-politika tal-kura tas-saħħa primarja fil-komunità, anke f’Għawdex, hekk kif mill-ġranet li ġejjin se jkunu offruti numru ta’ servizzi lill-pazjenti li s’issa kienu offruti biss mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Ewlenin fosthom, is-servizz ta’ tabib tal-familja, tat-teħid tad-demm, tat-tilqim, tal-kura tas-saqajn, tal-elettrokardjogrammi (ECG), tal-klinika tal-ACC- POC (tal-warfarina), klinika tad-dijabete, kura tal-feriti, klinika speċjalizzata għal persuni b’Down’s Syndrome u klinika għas-saħħa u l-benessere (GU clinic).

Id-Deputat Prim Ministru fisser kif dan iċ-Ċentru, li sar b’investiment ta’ fondi nazzjonali u tal-NDSF, se jingħaqad mal-katina ta’ servizzi offruti f’Għawdex mill-Kura tas-Saħħa Primarja fil-kliniċi fil-komunità tax-Xewkija, tal-Għarb u fi ftit tal-ġimgħat oħra tal-Qala. Barra minn hekk, huwa spjega li permezz tal-investiment diġitali, huwa possibbli li kull resident f’ Malta u Għawdex jagħmel użu minn kwalunkwe Ċentru tas-Saħħa jew Klinika fil-Komunità tal-Kura tas-Saħħa Primarja, u dan peress li l-informazzjoni tal-pazjent hija diġitalizzata u għalhekk aċċessibbli minn kull klinika.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne rringrazzja lill-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) tal-ħidma infrastrutturali u lill-ħaddiema tal-Kura tas-Saħħa Primarja li minn għada se jibdew joperaw minn dan iċ-Ċentru.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr “Illum ftaħna ċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid f’dan il-post strateġiku fiċ-Ċentru tal-Belt Victoria li fih se jibdew ikunu offruti servizzi li s’issa kienu jingħataw biss mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Għalhekk se nkunu qegħdin naqdu aħjar il-bżonnijiet tal-Għawdxin. U dan se jkompli jżid mas-servizzi li jingħataw fil-komunità hekk kif proprju ftit tax-xhur ilu ftaħna klinika tal-komunità fl-Għarb Għawdex, issa ftaħna dan iċ-Ċentru fir-Rabat u ftit taż-żmien ieħor se nkunu qed niftħu t-tielet ċentru fil-Qala. Għaldaqstant, permezz ta’ dawn iċ-Ċentri se nkunu qegħdin nilħqu l-esiġenzi tas-saħħa tal-Għawdxin.” Huwa temm jgħid li dan il-Gvern kommess li jkompli jinvesti bis-sħiħ fis-saħħa taċ-ċittadini u jagħti l-aqwa servizz u kura tas-saħħa fil-gżejjer Maltin.”

Sport