Friday, December 27, 2024

Inawgurat il-grawnd tal-futbol ta’ Sannat Lions

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt li għadda, ġie inawgurat il-grawnd tal-Futbol ta’ Sannat Lions.

Dan kollu huwa parti mis-sostenibbiltà tal-klabbs membri fil-ħolqien tal-ambjent perfett bl-aqwa faċilitajiet tal-futbol biex it-tfal ikunu aktar tentati fil-logħba sabiħa minn età żgħira ħafna.

Fid-diskors tiegħu, il-president tal-klabb Teddy Bajada rrikonoxxa l-isforzi tal-istakeholders kollha, MFA, GFA, u l-Gvern fl-impenn u l-appoġġ tagħhom li jwasslu għal din l-inawgurazzjoni tat-turf artifiċjali l-ġdid u l-faċilitajiet tal-futbol tal-klabb fis-Sannat.

Din il-faċilità tinkludi wkoll seba’ dressing rooms ġodda u kumditajiet oħra kollha essenzjali fit-tmexxija tajba ta’ dan il-klabb tal-futbol, u biex iservu ‘l quddiem bħala post fejn jospitaw kompetizzjonijiet domestiċi tal-GFA.

Bajada afferma li qed isiru wkoll xogħlijiet fl-istands tal-partitarji, li hija t-tielet fażi ta’ xogħlijiet ippjanati f’dan il-grawnd tal-futbol.

Il-President ta’ Gozo FA Dr Samuel Azzopardi saħaq li l-futbol f’Għawdex għandu dimensjoni partikolari fejn hemm linja fina bejn il-ħolm u r-realtà.

Erbatax-il klabb jissieltu u jiffaċċjaw sfidi bla qies iżda dejjem jirnexxielhom jagħmlu l-ħolm tagħhom realtà.

“Sannat Lions FC ħolmu 15-il sena ilu meta għamlu l-akbar pitch ta’ turf artifiċjali f’Għawdex u għal darb’oħra meta ħadu l-inkarigu xi snin ilu li jirranġaw il-grawnd kollu inkluż pitch ġdid.

“Nirringrazzjaw lill-MFA u lill-president tagħha Bjorn Vassallo u lill-Gvern rappreżentat illum mill-Ministru għal Għawdex għall-impenn sod tagħhom lejn l-isport sabiħ f’Għawdex”, temm jgħid Dr Azzopardi.

Il-president tal-Malta FA Bjorn Vassallo afferma l-ferħ tiegħu f’isem l-Assoċjazzjoni li għen lill-GFA u lill-klabb membru tagħha, Sannat Lions FC, fl-installazzjoni ta’ pitch ġdid ta’ turf sintetiku f’Għawdex.

“Dan il-proġett ġie inkluż fil-programm strateġiku tagħna, biex b’hekk tkun żgurata aktar disponibbiltà ta’ faċilitajiet tal-futbol f’Għawdex”.

Żied jgħid, “Hija parti mill-missjoni tagħna li niżguraw li l-faċilitajiet tal-futbol immexxija mill-membri tagħna jinżammu sew u jiġu serviti għal standards aċċettabbli, u permezz tal-ftehim mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u Sport, dan ikun garantit u jinżammu l-istandards mixtieqa.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-president tal-MFA rringrazzja wkoll lil dawk kollha involuti u stieden aktar impenn komunitarju permezz tal-faċilitajiet tan-nazzjon.

Matul l-attività saru wkoll diskorsi mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, l-Onor. Clint Camilleri, u s-Sindku tas-Sannat, is-Sur Philip Vella.

Ekonomija

Sport