Il-ħidma ta’ rinnovar u titjib fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, mhux biss qiegħda twassal għal titjib fl-ambjent għall-ħaddiema u għall-persuni li jgħixu fil-Faċilità, imma qiegħda tagħti l-ħajja wkoll lil proġetti li qegħdin isaħħu l-aspett ta’ riabilitazzjoni. Dan jista’ jsir, għaliex il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin illum hija ħielsa mid-droga, b’aktar ordni, li minnha jgawdu l-persuni fil-Faċilità għaliex tista’ tingħata aktar attenzjoni lir-riabilitazzjoni.
Xhieda ta’ dan huwa l-learning hub ġdid fil-Faċilità li huwa mgħammar bi klassijiet moderni u b’dak kollu meħtieġ biex ikun jista’ jintuża għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kemm tal-ħaddiema kif ukoll tal-persuni li jgħixu fil-Faċilità. Proġett ġdid, li diġà qiegħed iwassal għar-riżultati mixtieqa, bl-amministrazzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi qiegħda tkompli tinvesti biex dan l-investiment jissarraf f’persuni aħjar li jkunu lesti biex jerġgħu jintegraw fis-soċjetà, bil-gwida ta’ ħaddiema u rekluti aktar imħarrġa biex jagħtu mhux biss servizz aqwa, imma aktar infurmat.
Fl-inawgurazzjoni ta’ dan il-learning hub, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, tenna li dan il-Gvern ikkumplimentat mid-dedikazzjoni tal-ħaddiema u l-professjonisti li llum għandha l-Faċilità Korrettiva, għamel u qiegħed jagħmel bidla totali, b’tentattiv ġenwin favur aktar riabilitazzjoni.
Il-Ministru fisser dan il-learning hub, bħala wieħed li għandu rwol ewlieni f’din ir-riabilitazzjoni, bl-għan huwa li persuna li tkun qiegħda tiskonta sentenza ta’ priġunerija, titgħallem u titħarreġ. Dan biex ladarba toħroġ lura fis-soċjetà, tkun persuna aħjar, imħarrġa biżżejjed biex issib impjieg u li għalhekk ikollha l-opportunità tgħix ħajja normali u ’l bogħod minn atti li jwassluha lura fil-Faċilità.
Ikkonkluda għalhekk, li dan il-proġett huwa xhieda tal-ħsieb ċar tal-Gvern għall-Faċilità Korrettiva kif ukoll tar-riżultati u l-progress li nkiseb, riżultati li l-Gvern mhux ser jistrieħ fuqhom iżda ser ikompli jibni fuqhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, Chris Siegersma tenna l-importanza tal-edukazzjoni fil-proċess ta’ riabilitazzjoni. Spjega li jkun b’dan il-mod li verament titwettaq is-sentenza tal-Qorti, billi matul is-sentenza tagħhom il-persuni li jgħixu fil-Faċilità, jingħataw l-għodda kollha permezz tat-tagħlim — kemm akkademiku u dak prattiku — biex ikunu preparati għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol biex ladarba joħorġu lura fis-soċjetà jkunu jistgħu jgħixu ħajja normali li żżommhom ’il bogħod mill-kriminalità, li jfisser ukoll li jkollna anqas vittmi.