Monday, November 18, 2024

Inawgurat spazju miftuħ għall-komunità ta’ San Ġwann

Aqra wkoll

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mas-Sindku ta’ San Ġwann, Trevor Fenech, inawguraw Ġnien George Zarb ġewwa San Ġwann.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi rringrazzja lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tax-xogħol li għamlu flimkien mal-ħaddiema tal-Kunsill Lokali sabiex ġiet trasformata din iż-żona, li kienet tinstab fi stat mitluqa fi ġnien li issa jista’ jitgawda mill-komunità.

Il-Ministru faħħar il-ħidma tal-Kunsilli Lokali għal proġetti li qed iwettqu sabiex diversi żoni fil-lokalitajiet tagħhom jiġu riġenerati fi spazji miftuħa isbaħ u mgħammra bil-faċilitajiet kollha. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li dan huwa eżempju ta’ kif id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed ikun ta’ appoġġ f’dawn il-proġetti.

Min-naħa tiegħu s-Sindku  ta’ San Ġwann Trevor Fenech qal li grazzi għal din il-kollaborazzjoni mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-lokalità ta’ San Ġwann għandha ġnien pubbliku ieħor komplut bil-faċilitajiet kollha u aċċessibbli għal kulħadd.

Sabiex sar dan ix-xogħol kellu jsir disinn ġdid taż-żona sabiex isir pavimentar komdu għall-aċċess aħjar li jdur madwar is-siġar eżistenti. Wara saret sistema ta’ dawl ġdida aktar effiċjenti u tpoġġew bankijiet u laned taż-żibel ġodda. Il-ġnien tkompla jiżżejjen b’aktar pjanti u arbuxelli.

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello flimkien ma’ diversi periti u ħaddiema mid-dipartiment li ħadmu fuq dan il-proġett.

Ekonomija

Sport