Friday, November 22, 2024

Inawgurata sala ġdida li se tilqa’ mal-40 pazjent f’Mater Dei

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela inawgura sala ġdida f’Mater Dei li se tilqa’ mal-40 pazjent. Ix-xogħol fuq is-sala M10 sar b’investiment t’ €1.4 miljun u madwar €140,000 f’apparat mediku.

Ġie spjegat kif il-bini ta’ din is-sala ġdida kien jirrikjedi ħafna xogħol hekk kif dan il-post qabel ma kienx wieħed kliniku. Fost ix-xogħlijiet li saru kien hemm bini ta’ ħitan ġodda, kamra tat-trattament u toilets u showers ġodda għal pazjenti. Saru wkoll bidliet fis-sistema elettrika u mekkanika bħall-ventilazzjoni, l-arja kundizzjonata, l-ilma, u d-dawl. Dan sabiex jaqdu l-funzjoni l-ġdida taż-żona bħala sala li tagħti kura lill-pazjenti. Ġew miżjuda wkoll sistemi addizzjonali bħas-sistema nurse call, is-sistema pneumatic tube, u gassijiet mediċi.

Il-Ministru Abela spjega kif permezz t’investiment li l-Ministeru għamel f’xogħlijiet infrastrutturali u fl-inġinerija kif ukoll investiment f’tagħmir mediku, din is-sala issa qed tilqa’ l-pazjenti u tagħti servizz mediku. Qal, kif il-parti ta’ wara ta’ din is-sala hi intenzjonata li ssir ‘Medical High Dependency Uint’ fejn numru ta’ professjonisti li ser ikunu qed jieħdu ħsieb pazjenti b’mard serju diġà qed jingħataw it-taħriġ.

“Permezz ta’ dan l-investiment li beda fi tmiem is-sena l-oħra, illum qed naraw post li ma kienx kliniku, inbidel għal wieħed klinku b’sala mgħammra b’kollox li tista’ taqdi lill-pajzent. Dan ikompli mal-viżjoni li l-Gvern għandu biex nkomplu nsaħħu l-kura tas-saħħa f’pajjiżna”, temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Sport