Tfajla ta’ madwar 22 sena u missierha, it-tnejn mill-Indja għaddew mill-agħar esperjenza ta’ ħajjithom meta waqt li kienu f’Wied iż-Żurrieq tkaxkru minn baħar qawwi. F’dan il-mument inqalgħet kommossjoni sħiħ. Dak il-ħin fuq il-post kien hemm Yana Mintoff, li kif ġiet infurmata minn persuna b’dak li kien qed iseħħ, kinnet pronta daret lura lejn ix-xatt u qabżet għalihom.
Meta mitluba tikkummenta minn IT-TORĊA, Yana Mintoff qaltilna li “xi ħin qabel jien kont qiegħda ngħum f’Wied iż-Żurrieq. Il-baħar kien imqalleb ħafna. Fuq ix-xatt kien hemm ammont ta’ turisti. Kif sirt naf li l-mewġ kien kaxkar żewġ turisti, erġajt inżilt niġri x-xatt għax jien kont diġa tiela’ ‘lfuq. Qbiżt għalihom mill-ewwel. Wasalt ħdejhom kienu imwerwrin. Daħħalthom it-tnejn fuq dahri. Dak il-ħin huma lanqas jaħsbu ma setgħu. Litteralment kienu f’ħalq il-mewt. Ir-raġel kien diġa beda jsir viola imma imbagħad tawh il-kura mill-ewwel u beda jaqleb għall-aħjar. Kienu qishom tilfu kull tama. Iċċassati kienu. Kif wasalna fejn is-sellum baqgħu hemm u jien bdejt ngħidilhom biex jitilgħu. Kelli ħabiba tiegħi, Rita li għenithom jitilgħu”.
Yana Mintoff qaltilna li “naħseb li hemm bżonn ikun hemm xi tip ta’ salvauomo x’imkien qrib ix-xatt. Dawk inżertaw li kont għadni hemm”.