Tuesday, May 14, 2024

INDUSTRIJA TAL-FILMS LI QED TIFFJORIXXI

Aqra wkoll

Tħabbar ilbieraħ li se jsir f’Malta l-Festival Mediterranju tal-Films. Din hija xhieda tal-fiduċja li teżisti bħalissa fl-industrija tal-films f’Malta. Huwa ta’ sodisfazzjon li avveniment Mediterranju bħal dan se jsir f’pajjiżna imma minn dan l-avveniment Malta x’se tiggwadanja?

Nemmnu li Malta se tiggwadanja mhux ftit sewwa f’dik li hi fama internazzjonali li jgawdi pajjiżna u kif ukoll ekonomikament billi jattira aktar produzzjonijiet u ġbid ta’ films li llum għandna faċilitajiet li jħabbtuha sew ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra sew fir-reġjun tal-Mediterran u kif ukoll fil-kontinent Ewropew.

Dan kollu jixhed kemm il-Gvern flimkien mal-Kummissjoni Maltija tal-Films qed jistinkaw biex din l-industrija tkompli tiffjorixxi u toħloq impjiegi ta’ kwalità fiha nfisha. Dan nemmnu li huwa kruċjali biex dawk il-ħaddiema li jidħlu f’din l-industrija jiksbu ħiliet ġodda u varji li din toffri. Għalhekk huwa ta’ unur li dan l-avveniment se jittella’ f’pajjiżna u se jkompli jitfa’ aktar dawl fuq din l-industrija li jawgura ġejjieni sabiħ kemm għal pajjiżna u anke għal pajjiżi tar-reġjun tal-Mediterran.

B’sodisfazzjon ninnutaw li minbarra l-impjiegi li din toffri, se tagħti wkoll opportunità lit-tfal li minn ċkunithom jiġu mħarrġa kif ikunu aktar kreattivi. Din l-opportunità se tiġi konkretizzata b’summer camp tal-ewwel xorta tiegħu li se jkun organizzat biex it-tfal sa minn età żgħira jitgħallmu jifhmu aktar kif jinġibdu l-films kemm għaċ-ċinema kif ukoll għat-televiżjoni.

Dan fil-kuntest tal-ħtieġa li teżisti biex il-ħaddiema tagħna jkollhom diversi ħiliet li jservu lil din l-industrija b’mod partikolari. Għalhekk huwa għaqli li l-Gvern ikompli mhux biss jinvesti imma jieħu dawk il-passi meħtieġa biex tinħoloq industrija tal-films reżiljenti, li tkun kapaċi taffaċċja mhux biss ir-realtajiet tal-lum imma anke dawk li għad iridu jiġu.

Hawn ta’ min isemmi li s-sena li għaddiet, l-industrija tal-films f’pajjiżna ġġenerat mhux inqas minn €85 miljun fl-ekonomija tagħna li jfisser żieda ta’ 25% fuq is-sena ta’ qabel. Dan mhux biżżejjed imma l-ħidma jidher li se tkompli biex dan l-ammont jinqabeż fiż-żmien li ġej.

Għalhekk huwa ta’ min ifaħħar ukoll iż-żieda li se tingħata lil dawk il-produtturi ta’ films ġodda. Dan ikompli jqawwi l-qlub illi din l-industrija tal-films f’Malta twieldet u se tkompli tikber.

Sport