Friday, April 19, 2024

Inġabru €358,366 mill-Maltin u l-Għawdxin għall-Ukreni

Aqra wkoll

F’perjodu ta’ disa’ ġimgħat il-poplu Malti u Għawdxi ġabar is-somma ta’ €358,366 b’risq il-persuni fl-Ukrajna li bħalissa għaddejjin minn tbatija kbira minħabba l-gwerra u l-invażjoni Russa. Din hi waħda mill-inizjattivi li l-Knisja f’Malta ħadet biex tgħin lill-poplu Ukren. Din il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi kienet qed titmexxa minn Caritas Malta fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex. 

Id-donazzjonijet ingħataw minn individwi, parroċċi, skejjel, kumpaniji u entitajiet oħra privati li wasslu d-donazzjoni tagħhom dirett għand Caritas Malta. Il-flus miġbura se jingħataw lil Caritas Internationalis li se tieħu ħsieb toffri s-sapport kollu meħtieġ li jinkludi affarijiet bażiċi bħal saqaf ta’ emerġenza, ikel, mediċina u bżonnijiet sanitarji. Fil-preżent, Caritas Internationalis qed tgħin kemm lill-poplu Ukren kif ukoll lir-refuġjati fil-Polonja, il-Moldova u r-Rumanija permezz tal-Caritas lokali. 

Ukreni jirċievu affarijiet bażiċi. Ritratt: Caritas

F’dawn l-aħħar għaxar ġimgħat aktar minn 12-il miljun persuna ħallew l-Ukrajna biex isibu post iktar sigur fosthom f’Malta. Ħafna familji ħallew l-irġiel tagħhom warajhom biex jissieltu għal art twelidhom. L-attakki mill-armata Russa għamlu diversi ħsarat u f’diversi bliet ħallew ħerba sħiħa u ġew milquta sptarijiet, skejjel u stazzjonijiet tal-ferrovija fejn persuni li kienu qed jaħarbu jew jieħdu l-kura sfaw vittmi. 

Caritas Malta hi impenjata tkompli bil-ħidma tagħha u twieġeb għal kull sejħa li tiġi u se tibqa’ miftuħa biex tkompli tagħti sapport lil dawk l-iktar milquta. 

Sport