Saturday, May 4, 2024

“Ingħatajna tama ġdida iżda nixtiequ ċertezza minħabba li aħna diġà bdejna t-trattament barra”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jirrikonoxxu l-proposti iżda baqa’ emendi żgħar li jistgħu jagħtu serħan il-moħħ lil dawk li s’issa spiċċaw barra mill-emendi mwiegħda

Mal-aħbar li dan il-Gvern se jkun qiegħed iħallas għall-mediċini kollha għal dawk li jagħmlu t-trattament tal-IVF, f’artiklu ppubblikat fil-gazzetta IT-TORĊA qsamna l-esperjenza ta’ Charlotte Falzon rigward trattament li sar minn butha aktar minn 20 sena ilu. Falzon kienet sostniet li “Ma kinitx tagħmel sens li tissellef biex tibni familja”. 

Issa li għaddew xi ġranet, Charlotte tkellmet ma’ Talk.mt dwar l-iżviluppi li segwew dik l-intervista. Tgħidilna li minn dik l-esperjenza tagħha ġiet avviċinata minn koppji li minkejja l-aħbar tant pożittiva ta’ mediċini b’xejn għal dawk kollha li jagħmlu t-trattament f’pajjiżna, kienu se jitħallew barra u jkollhom jagħmlu tajjeb għal spejjeż li lanqas biss jifilħu għalihom.

“Irċevejt ħafna reazzjonijiet sbieħ ta’ koppji li qaluli li l-intervista serviethom ta’ aktar kuraġġ biex imorru għat-trattament. Madankollu kien hemm waħdiet li ngħid il-verità ħasduni tant kemm kienu mweġġgħin. Tista’ timmaġina tibgħatlek tfajla ma tafekx u taqsam miegħek ritratt iżżomm lil binha mejjet li twieled mejjet minħabba kumplikazzjoni fil-proċess li setgħet ġiet evitata?”, tkompli tgħidilna Falzon.

Talk.mt iltaqa’ ma’ din it-tfajla li minħabba raġunijiet tas-sitwazzjoni li għaddejja minnha bħalissa se nkunu qegħdin nagħtuha l-isem fittizju ta’ Miriam. Miriam qalitilna li s-sitwazzjoni li tinsab fiha bħalissa hija waħda ta’ emozzjonijiet u tensjonijiet kbar. Kollox beda minn meta kellha biss 12-il sena. Tispjega li hi saret xebba minn dik l-età u kienet tħoss uġigħ kbir f’ġenbha “Daqslikieku xi ħadd qiegħed jagħtini daqqiet ta’ sikkina”. Din ma kinitx xi ħaġa faċli u minkejja li fittxet għajnuna medika, dak iż-żmien kienu jgħidulha li kienet qiegħda tiffissa, iżda hi kienet ċerta li hemm xi ħaġa mhux flokha. Tispjega li dak iż-żmien żdiditilha l-ansjetà, bdiet tbati mid-dipressjoni u kellha wkoll ħafna ħsibijiet ta’ suwiċidju. It-tobba kienu qatgħuha li biex tissolva din il-problema kellhom joperawha biex jaraw x’hemm u x’m’hemmx minn ġewwa. Dan sar meta kellha 22 sena u rriżulta li kellha biċċa utru żejda. Miriam tbati minn kundizzjoni ġenetika rari ta’ Unicornuate uterus fejn jifforma biss nofs l-utru u b’hekk ma jkunx possibbli li dan iġorr tewmin.

Rigward l-IVF, f’dan il-każ Miriam tista’ tpoġġi massimu ta’ embrijun wieħed biss u din tagħmilha ferm iktar diffiċli biex il-persuna inkwistjoni tinqabad. Barra minn hekk, minħabba l-kundizzjoni tagħha hija ma tistax twassal it-tqala sat-tmiem u minkejja li tista’ ssir omm, il-proċess huwa ferm aktar delikat.

Miriam bdiet il-proċess u mit-tliet embrijuni li kellha tajbin, inqabdet tqila mal-ewwel tentattiv. Sfortunatament hija welldet it-tarbija mejta f’madwar seba’ xhur u nofs tqala minħabba trombożi li mxiet lejn il-placenta u faga. It-tarbija setgħet salvat kieku ttieħdu injezzjonijiet li jeżistu għal dawn il-kundizzjonijiet ġenetiċi. It-tieni embrijun qabad ukoll, iżda tilfet it-tarbija fis-sitt ġimgħa tat-tqala u t-tielet wieħed lanqas biss qabad. 

Dan ifisser li kieku ma nġibditx l-attenzjoni tal-awtoritajiet wara l-aħbar tal-mediċini bla ħlas, Miriam kienet titlefir-riżorsi kollha ta’ hawn Malta. Charlotte, flimkien ma’ Miriam u koppja oħra avviċinaw il-Gvern u dan ta widen għat-talba tagħhom. Konferma ta’ dan hija l-wegħda tal-Prim Ministru Robert Abela li jekk kemm-il darba jingħata l-mandat fl-ewwel mitt jum isiru dawn l-emendi li permezz tagħhom Miriam se tingħata ċ-ċans biex terġa’ tipprova f’pajjiżna.

Il-problema ta’ Miriam hija li diġà ħadet self ta’ eluf ta’ ewro għax sa qabel din l-aħbar, l-unika triq biex issir omm kienet li ssiefer barra u dan it-trattament barra mill-pajjiż jiswa eluf kbar. Tgħidilna li hi u żewġha diġà għandhom self fuq ir-residenza tagħhom u għalhekk kellhom jagħmlu perjodu ta’ stennija biex ifaddlu biżżejjed flus ikollhom biex jibdew dan il-proċess. Miriam qiegħda tappella lill-awtoritajiet u kkonfermat magħna li l-awtoritajiet qegħdin jiddiskutu dwar il-possibbiltà li huma u xi koppji waħdiet oħrajn li diġà qegħdin fil-proċess biex jagħmlu t-trattament barra mill-pajjiż jiġu kkumpensati. S’issa għadhom inkwetati ħafna minħabba l-fatt li minkejja li jekk kemm-il darba Gvern Laburista jerġa’ jingħata l-mandat biex imexxi dan it-trattament se jingħata b’xejn f’pajjiżna, Miriam u koppja oħra li jinsabu msefrin għax diġà bdew it-trattament, se jispiċċaw iħallsu minn buthom eluf ta’ ewro li ma jifilħux għalihom.

Charlotte Falzon

Charlotte min-naħa tagħha rrikonoxxiet li bl-investiment kollu li se jsir, ir-rata ta’ suċċessi f’dawn it-trattamenti se tiżdied b’mod konsiderevoli. Issostni li hi fl-età tagħha, il-fatt li hi omm ta’ tewmin ta’ aktar minn 20 sena u li minħabba kanċer riċenti li affettwalha ħażin is-sistema interna tagħha, ma għandha l-ebda interess personali wara dan kollu. “Għalija l-importanti huwa li nara lil Miriam u lill-koppja l-oħra li avviċinawni jsiru ommijiet mingħajr ma jispiċċaw jittalbu minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom”, temmet tgħid magħna Falzon kompliet bl-appell ta’ Miriam biex il-Gvern kif għamel s’issa, jagħtihom serħan il-moħħ li huma partikolarment mhumiex se jitħallew jerfgħu dan il-piż.

Sport