Saturday, April 27, 2024

Inħaddru pajjiżna – Tnedija ta’ proġetti ambjentali

Aqra wkoll

“Dawn il-proġetti huma l-ewwel pass ta’ viżjoni ħolistika fis-settur ambjentali”

It-tħaddir tal-irħula Maltin u Għawdxin permezz ta’ inizjattiva mill-Ministeru tal-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar bl-iskop li jittejjeb l-ambjent fiż-żoni li fihom jgħixu u jaħdmu r-residenti ta’ pajjiżna se jsir b’investiment bla preċedent.

L-ewwel fażi tal-proġett se tkun qiegħda tinħadem mal-ewwel sett ta’ Kunsilli Lokali li se jingħataw fondi mill-Ministeru biex jimplimentaw numru ta’ proġetti ambjentali. Din il-ġimgħa ġew iffirmati MOUs mal-kunsilli tal-Qala, Tas-Sliema, il-Gudja, Ħaż Żebbuġ u l-Ħamrun.

Diversi toroq, pjazez u spazji pubbliċi oħra li huma neqsin mill-ħdura u l-benefiċċji fiżiċi u psikoloġiċi li jġibu magħhom is-siġar u xtieli ġew magħżula mill-Kunsilli Lokali nfushom. L-ispeċji ta’ xtieli li se jkunu qed jintużaw huma b’rispett għal-linji gwida maħruġa mill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) u huma xierqa għas-siti proposti, b’taħlita ta’ xtieli indiġeni u barranin li eventwalment ikunu kapaċi jgħixu fil-kundizzjonijiet klimatiċi ta’ pajjiżna.

Il-Ministru tal-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li wasal iż-żmien li niffukaw fuq kif se ntejbu l-ambjent fil-komunità.    Filwaqt li tajjeb u sabiħ li jkollna żoni fin-natura li l-familji tagħna jkunu jistgħu jżuru, rridu naraw li jkollna żoni ħodor oħra fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna.    Il-Ministru Farrugia enfasizza li “dawn il-proġetti huma l-ewwel pass ta’ viżjoni ħolistika fis-settur ambjentali, u jien kommess li nkompli naħdem favur bidla fil-mentalità f’dan ir-rigward.”

Apparti mit-tisbiħ tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin, dawn is-siġar u arbuxelli se jkunu ta’ benefiċċju għall-komunità billi jippurifikaw l-arja tal-madwar. Fl-istess waqt, dawn is-siġar se jkunu qed jagħtu rifuġju lil numru ta’ għasafar u insetti fil-gżejjer tagħna. “Dan hu biss l-bidu.    Irridu nagħmlu rivoluzzjoni ħadra fil-pajjiż,”, temm il-Ministru Farrugia.

F’kas ta’ proġetti ta’ tħaddir mal-kunsilli, dawn il-kunsilli għandhom l-obbligu li jidentifikaw is-siti li għandhom bżonn ta’ tħaddir. Il-Ministeru, barra li    jipprovdi il-fondi meħtieġa sabiex jitwettqu dawn il-proġetti, għandu l-għan li jagħti l-assistenza teknika meħtieġa sabiex dawn il-kunsilli jagħżlu is-siġar u arbuxelli addattati għal dawn is-siti.

Meta jiġu identifikati is-siti għat-tħawwil u l-ispeċi ta’ siġar u arbuxelli, il-kunsilli lokali ifasslu program ta’ tħaddir li jiġi maqbul mal-Ministeru. It-tħawwil isir matul ix-xhur tal-ħarifa, jiġifieri Ottubru – Novembru u kif il-kunsilli lokali ilestu t-tħawwil tagħhom, issir spezzjoni mill-Ministeru sabiex jiġi aċċertat li it-tħawwil sar skont il-ftehim u jingħalaq il-proġett.

Issa jinħtieġ li nkabbru l-ambizzjoni tagħna u minn sempliċement tħaddir fil-lokalitajiet, ngħaddu għal sistema ta’ ippjanar li jintegra l-kunċett ta’ infrastruttura ħadra, u possibilment blu, fiż-żoni residenzjali tagħna.    L-infrastruttura l-ħadra tgħin biex niffurmaw mikro-klima li tipprovdi arja aktar nadifa, dell, temperaturi lokali iżjed baxxi li kollha jimmitigaw biex tittaffa dik li bl-ingliż hija msejħa l-urban heat island effect jiġifieri li żoni residenzjali, minħabba l-konċentrazzjoni ta’ bini u nnuqqas ta’ ħdura ppjanata, jakkumulaw is-sħana u jgħollu t-temperatura f’dik iż-żona.    Dawn l-interventi jkollhom impatt ta’ benefiċċju fuq il-komunità kif ukoll fuq il-bijodiversità indiġena.

Dawn il-proġetti għandom l-iskop mhux biss li jħaddru ż-żoni residenzjali iżda wkoll biex ikunu ta’ benefiċċju, dik li bl-ingliż insejħula amenity value, kemm mentalment u kemm għas-saħħa ta’ dawk in-nies li jgħixu ġewwa rħula li għandhom popolazzjoni għolja u li huma industrjalizzati jew inkella li m’għandhomx ħafna aċċess għall-kampanja.

It-tħaddir iġib ukoll miegħu benefiċċji ekonomiċi hekk kif lokalitajiet isbaħ iġibu aktar kummerċ u investiment filwaqt li l-valur tal-proprjetà fil-biswit tissaħħaħ ukoll. Dan hu t-tip ta’ żvilupp sostenibbli li għandna f’moħħna, żvilupp li mhux bilfors isir mill-gvernijiet lokali u ċentrali imma anke mill-privat permezz tal-planning gain assoċjat mal-iżvilupp li jrid jibda jiġi nvestit għall-għan ta’ lokalitajiet aktar sostenibbli. Dawn il-proġetti se jinkludu t-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli f’toroq, pjazez u ġonna, kif ukoll it-tħawwil ta’ pjanti fuq il-bjut sabiex jinħolqu ġonna li jissejħu green roofs jew inkella it-tħawil ta’ pjanti fi strutturi vertikali li jissejħu living walls. Fejn ikun possibbli se nassiguraw li jkun hemm il-konservazzjoni ta’ l-ilma biex dawn l-ispeċi jkunu jistgħu jissaqqew b’mod sostenibbli filwaqt li fejn ikun opportun se nipprovaw nikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ilma tal-pjan. It-tibdil fil-klima huwa mbassar li jġib temperaturi aktar sħan u tnaqqis fir-riżorsa tal-ilma.    Huwa għalhekk li l-ippjanar għaqli jrid jindirizza din it-theddida reali b’mod konkret.

Dawn il-proġetti se jibdew jitwettqu minn dan il-Ministeru sabiex inħaddru aktar il-lokalitajiet tagħna, kif ukoll sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu fiż-żoni residenzjali.

Sport