Wednesday, July 1, 2026

‘Inħarsu lejn l-istaġun li jmiss bħala l-pass li jmiss, fejn nikkompetu għat-titli kollha disponibbli’ – Jacob Ciantar

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-handball?

L-imħabba tiegħi għall-handball bdiet ta’ etá żgħira. Bdejt fin-Nursery tal-Kavallieri Handball Club ma’ ħuti, ta’ madwar disa’ snin. Minn hemmhekk, bl-għajnuna tal-ħbieb, kowċis u nies li jieħdu ħsieb, l-imħabba baqghet hemm u kompliet tiżdied maż-żmien.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li ġejt ivvutat bħala l-Aqwa Plejer tat-Tieni Tim ta’ Kavallieri Handball Club għall-istagun li għadda matul il-jiem li għaddew?

Ngħidlek il-veritá, kont sorpriż! Kont imdawwar b’ħafna plejers li taw qalbhom għat-tim. Kien hemm ħafna plejers li rajthom jitjiebu matul l-istaġun, u li kulħadd kellu importanza, u rwol differenti. Imma l-bqija, vera kuntent u eċitat li rnexxieli nirbaħ dan l-unur personali! 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kavallieri Handball Club.

Mal-klabb tiegħi, jiena qed nieħu ħafna rwoli differenti. Apparti li jiena l- goalkeeper tal-Ewwel u t-Tieni tim, jiena wkoll Kowċ tan-Nursery għall-etajiet minn erba’ snin sa 17-il sena. Nieħu rwol ukoll ta’ referee, fotografu u videographer meta jkun hemm bżonn.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Kellna ħafna tlugħ u nżul matul l-istaġun, imma bl-għajnuna tal-kowċ tagħna, żammejna lilna nfusna kompetittivi tul l-istaġun kollu.

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej u x’inhuma t-tragwardi tagħkom?

Bħala tim, aħna diġá għandna l-għan tagħna li nixtiequ nilħqu. Inħarsu lejn l-istaġun li jmiss bħala l-pass li jmiss, fejn nikkompetu għat-titli kollha disponibbli. Fejn is-sena l-oħra rbaħna unur wieħed, għalina bħala klabb, mhux biżżejjed … nafu li nistgħu nagħtu aktar, u dak ħa jkun il-pjan tagħna li nittamaw li jseħħ!

Kif tqis il-livell tal-handball lokali fil-preżent?

Il-livell tal handball Malti mhux mill-ogħla meta kkumparat mal-bqija tal-Ewropa, imma bilmod il-mod, forsi nibdew inkunu naqra aktar kompetittivi fis-snin li ġejjin. Il-handball Malti, f’dawn l-aħħar ftit snin bdejt narah sew minħabba li għadni relattivament żgħir, allura issa li qed nara sew il-livell li għandna, u għar-riżorsi li huma pprovduti, nara li l-livell tal-plejers qed jiżdied mill-etá ta’ 17-il sena ‘l fuq.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-handball?

Il-futur tiegħi fil-handball nixtieq li jkun wieħed pożittiv, speċjalment fis-setturi ta’ plejer u anke kowċ. Għandi x-xewqa li nibqa’ nilgħab ta’ etá kbira, u diġá nagħmel xi sagrifiċċji biex inkun nista’ mmur taħriġ kemm nista’.

Kif ukoll, rigward kowċing, nixtieq ngħid li għandi futur pożittiv ukoll … diġá għandi l-opportunitá li nitla’ bħala assistant coach tat-tim nazzjonali tal-U19 tal-irġiel. Imma apparti dawn l-affarijiet individwali, nixtieq eventwalment ngħin dan l-isport li nħobb fl-iżvilupp tiegħu.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-handball.

Il-Handball huwa l-istess ħaġa bħal affarijiet oħra li ħa tagħmlu fil-ħajja. Għax jekk fil-bidu diffiċli, ma jfissirx li għandek tieqaf, fittxu l-għajnuna, kunu kurjużi, saqsu, araw, studjaw, u ħudu ħsieb ġisimkom, u b’hekk, ikollkom karrieri li wieħed jew waħda jistgħu jkunu kuntenti biha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport