Monday, December 23, 2024

Iniedu proġett ta’ tagħlim u taħriġ għal tfal u żgħażagħ fl-artiġġjanat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni Save A Life u l-Għaqda Festi Esterni SSma Trinità fil-Marsa taw bidu għal proġett ta’ kollaborazzjoni fil-komunità Marsija permezz tal-iżvilupp ta’ ċentru li se jipprovdi tagħlim u taħriġ lit-tfal u żgħażagħ f’aspetti marbutin ma’ snajja u ħiliet fil-qasam tal-artiġġjanat. 

“Dan il-proġett huwa wieħed minn tal-ewwel tax-xorta tiegħu għax se iġib flimkien għalliema tal-artiġġjanat u tfal u żgħażagħ li għandhom ħajra u interess li jitgħallmu dawn il-ħiliet li jsaħħu l-identità tal-komunitajiet tagħna” qal id-Deputat Claudio Grech, Chairperson u Fundatur tal-Fondazzjoni Save A Life waqt l-iffirmar tal-ftehim tal-proġett li sar fis-sede tal-Għaqda fil-Marsa.

Il-proġett, li issa jinsab fi stadju avvanzat, se jipprovdi faċilita fil-komunità tal-Marsa u se jipprovdi mhux biss il-bini fejn tista’ ssir din il-ħidma iżda wkoll it-taħriġ speċjalizzat għat-tfal u ż-żgħażagħ li se ikunu qegħdin jipparteċipaw fihom. It-taħriġ se jkun jista’ jwassal biex l-istess studenti jkunu jistgħu joqgħodu għall-eżamijiet fil-ħiliet rispettivi. 

Il-Programm ser ikun miftuħ għat-tfal u żgħażagħ Marsin kif ukoll għal dawk mil-lokalitajet tal-madwar. Aspett innovvativ huwa li l-Programm se jkun estiż ukoll għat-tfal ta’ familji immigranti residenti fil-lokalità bil-għan li tingħata spinta lill-integrazzjoni ta’ dawn it-tfal fil-komunità fejn jgħixu.

“Dan il-proġett jiġbor fih ħafna mill-għanijiet li għalihom waqqafna l-Fondazzjoni Save A Life seba’ snin ilu. Se nibnu faċilita’ li se tkun permanenti fil-komunità, se noħolqu inizzjattivi ta’ taħriġ għat-tfal u ż-żgħażagħ u se nagħmlu l-ewwel passi biex nimbuttaw sforz ta’ integrazzjoni tat-tfal ta’ immigranti f’din il-lokalità. Aħna kburin li qed naħdmu ma’ din l-Għaqda li tiġbor fiha ħafna nies li jagħtu kontribut enormi lill-komunità Marsija. Din hija r-risposta li rridu nagħtu għall-isfidi soċjali li għandna quddiemna” zied jgħid Claudio Grech.

Minn naħa tiegħu l-President tal-Għaqda, James Attard qal li dan il-ftehim huwa eżempju ta’ kif żewġ għaqdiet jistgħu jikkollaboraw biex flimkien jagħmlu proġetti li minnhom tgawdi s-soċjetà. Għalkemm l-għan tal-Ghaqda Festi Esterni SSma. Trinita’ huwa dak li torganizza l-festa tas-SSma. Trinità fil-Marsa, din l-Għaqda dejjem rat kif tista’ tkun ta’ servizz għall-poplu tal-Marsa. B’dan il-ftehim, filwaqt li qed  tassigura li jkollha maħżen fejn tista’ żżomm l-armar tal-festa, qiegħda wkoll tkompli ssaħħaħ l-aspett soċjali tagħha u tgħin lit-tfal tal-Marsa u tal-madwar.

Il-Fondazzjoni Save A Life, li Claudio Grech waqqaf flimkien ma’ martu Charmaine fl-2013, għandha l-għan li b’mod attiv tgħin lil komunitajiet u organizzazzjonijiet fil-loktalitajiet tal-ewwel distrett biex permezz tal-ħidma tagħhom joffru spazju u jipprovdu inizzjattivi mmirati għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lokalitajiet fejn joperaw. B’kollox saru għaxar proġetti,  li minnhom qed igawdu madwar elf tifel u tifla. Il-finanzjament prinċipali tal-Fondazzjoni ġej mill-onorarja parlamentari li Grech jieħu bħala membru parlamentari kif ukoll minn għajnuna oħra f’dawn il-proġetti.

Ekonomija

Sport