Friday, November 22, 2024

Inizjattiva ġdida mir-Royal Malta Yacht Club biex tippromwovi l-Ibburdjar fost in-Nisa

Aqra wkoll

Minkejja l-progress li sar f’dawn l-aħħar snin, il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ibburdjar għadha baxxa b’mod sproporzjonat meta mqabbla mal-irġiel. Filwaqt li bla dubju hemm baħrin nisa b’talent madwar id-dinja, in-numri ħafna drabi ma jirriflettux il-potenzjal u l-interess reali li n-nisa għandhom fl-isport.

Inizjattivi mmirati biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ibburdjar huma kruċjali biex tiġi indirizzata din id-disparità. Fid-dawl ta’ dan, ir-Royal Malta Yacht Club nieda inizjattiva ġdida – Ladies that Launch – immirata biex tippromwovi l-ibburdjar fost in-nisa fuq il-flotta ġdida fjamanta tal-RS Quests tal-Club.

L-inizjattiva tikkonsisti f’sessjoni ta’ sagħtejn fuq id-dgħajjes RS Quests ġodda tal-Klabb. L-għażla tal-RS Quests bħala l-flotta għal din l-inizjattiva hija strateġika, peress li jipprovdu l-pjattaforma perfetta għall-dawk li m’ghandhomx esperjenza f’dan l-isport. Barra minn hekk, l-inklussività u l-aċċessibbiltà tal-RS Quests jallinjaw perfettament mal-għan tal-inizjattiva li tnaqqas l-ostakli biex wieħed jibda jipprattika dan l-isport.

B’mod xieraq din l-inizjattiva ser tibda fit-8 ta’ Marzu, Jum Internazzjonali tan-Nisa, din l-inizjattiva timmarka pass sinifikanti ‘l quddiem fl-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-generi f’dan l-isport u hija mibnija madwar l-inizjattiva tal-World Sailing, Steering the Course, li tfittex li tintroduċi dan l-isport.

“Iż-żmien tat-tnedija tal-inizjattiva fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa huwa simboliku, u jenfasizza l-impenn tal-komunità tal-ibburdjar lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa” irrimarka, David Cremona, Commodore tar-Royal Malta Yacht Club.

Iktar informazzjoni tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Club  https://rmyc.org/school/booking/

Sport