Sunday, December 22, 2024

Inizjattiva li għandha tkompli tinfirex

Aqra wkoll

Fil-ħarġa tal-Ħadd, 7 ta’ Jannar 2024, fil-kummentarju tiegħi kien intitolat INIZJATTIVA LI GĦANDHA TKUN IMITATA. Bħala pensjonant kont irreferejt għal informazzjoni li bħal kull pensjonant ieħor kienet waslitli mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali bid-data tal-15 ta’ Diċembru 2023. Informazzjoni dwar kif se tkun affettwata l-pensjoni tiegħi u kull benefiċċju konness magħha b’riżultat tal-miżuri mħabbra fil-Budget għas-sena 2024.

Fost affarijiet oħra kont ktibt hekk: It-twassil ta’ tali informazzjoni ma bediex ilbieraħ. Imma qed nirreferi għalih għax tali inizjattiva ħaqqha kull tifħir, u għax mhux kull Ministeru jagħmilha. Jien nippretendi li ċ-ċittadin għandu jkun infurmat dwar x’titjib ikun sar f’kull benefiċċju li jolqot lilu b’riżultat tal-Budget 2024.

Hekk ukoll nippretendi li mal-kont tad-dawl u l-ilma li jasalli kull xahrejn ningħata informazzjoni dwar kemm kien ikun il-kont attwali kieku l-Gvern ma jissussidjax l-ispiża tal-enerġija, kieku l-Gvern ma żammx il-prezzijiet stabbli.

L-istess nippretendi li kull ċittadin li jingħata servizz mediku mill-Isptar Mater Dei u kull forma oħra ta’ servizz, ikun infurmat li tali servizz sewa lill-pajjiż tali ammont, imma grazzi għas-servizz tas-saħħa li għandna tali servizz kien qed jingħata b’xejn. L-istess nippretendi li għandu jsir fir-rigward ta’ mediċini li ċ-ċittadini jingħataw b’xejn taħt l-iskema tal-POYC. Iva, nippretendi li l-benefiċjarju għandu jkollu l-informazzjoni dwar kemm tkun tiswa l-mediċina li jkun qed jingħata b’xejn.

Nibqa’ insostni l-argument tiegħi fir-rigward ta’ kull servizz ieħor li qed jingħata xejn mill-Gvern. Iva, nippretendi li l-Ministeru għall-Edukazzjoni għandu jinforma lil kull ċittadin fi tmiem kull term skolastiku kemm ikun sewa finanzjarjament għal uliedu.

Ikun qed jinqata’ l-blat jekk kull tliet xhur ċittadini li wliedhom jagħmlu użu mit-trasport B’XEJN għall-iskola jingħataw informazzjoni dwar kemm ikunu ffrankaw minn bwiethom iċ-ċittadini konċernati?

Forsi ma jkunx tajjeb jekk lil dawk li qegħdin jibbenefikaw minn servizz ta’ Child Care b’xejn ninfurmawhom kull tliet xhur kemm kienu ffrankaw flus għal tali servizz? Dan it-tip ta’ argument japplika għal kull Ministeru li dipartimenti fid-dekasteru tiegħu jagħtu servizzi b’xejn.

Erġajt illum irreferejt għal x’kont ktibt f’Jannar li għadda għax fraħt fil-jiem li għaddew meta waslitli ittra mingħand ARMS Ltd, bħalma waslet għand ħaddieħor, li biha ġejt infurmat x’iffrankajt minn Ġunju 2021 ‘il hawn u aktar u aktar li ISSA ma’ kull kont ta’ xahrejn se nkun infurmat kemm iffrankajt mill-kont konċernat.

Prosit u grazzi. Ma rridx niġi interpretat li dak li sar kien b’riżultat għal dak li ktibt jien, imma sodisfatt li stajt ikkontribwejt għalih. Immodifikajt it-titlu tal-kummentarju tal-lum għax sinċerament nemmen li informazzjoni bħal din għandha tingħata ma’ kull benefiċċju li jgawdi minnu ċ-ċittadin.
[email protected]

It-Torri Vendome Marsaxlokk

Ippermettuli nirreferi għal aħbar ta’ ftit jiem ilu li nisslitli ferħ filwaqt li ħaditni lejn tfuliti u żgħożiti f’Marsaxlokk. Qrajt li se jingħata bidu għal proġett ta’ restawr ta’ wieħed mit-torrijiet li hemm Marsaxlokk, it-Torri Vendome. X’nostalġija!

Il-post serva għal diversi skopijiet rekreattivi fir-raħal, fosthom bħala klabb tal-futbol, klabb tar-regatta, post fejn fis-sajf, kull nhar ta’ Sibt filgħaxija, kienu jittellgħu produzzjonijiet teatrali mill-kumpanija Xlukkajra Ercole bil-parteċipazzjoni strumentali tal-attriċi Sengleana, il-Bambin jagħtiha l-mistrieħ ta’ dejjem, Vitorin Galea. Il-post serva wkoll biex fih, partikolarment il-Ħadd filgħodu jiltaqgħu żgħażagħ u rġiel Xlukkajri jixorbu l-birra u jilagħbu l-karti.

Ħadt gost naqra li kif jintemm il-proġett tar-restawr Torri Vendome se jgħaddi għand il-Kunsll Lokali ta’ Marsaxlokk bik-għan li mbagħad jintuża għal skopijiet kulturali marbutin mat-tradizzjonijiet Xlukkajri. Mhux xi post kbir kbir, imma għandu żewġ swali ta’ daqs sabiħ apparti d-dawra tiegħu.

Ċertament li l-Kunsill Lokali Xlukkajr m’għandux bżonn lili biex jgħidlu x’jista’ jsir f’dan il-post. Imma se nissuġġerixxi xorta waħda. Naħseb li jkun ideali li l-post jinbidel f’Mużew dwar is-Sajd minn sajjieda Xlukkajri. Ikunu esebiti qxur tal-baħar bħal kenura, frejgatina, kajjikk, luzzu, dgħajsa tal-qlugħ, xbieki ta’ diversi forom, bħala pariti, tkarkir, lampiera, nases, koppijiet, konzijiet ta’ kull mistier, ċimi tal-lampuki u għadd ta’ inġenji oħrajn. Ma’ dawn ritratti antiki ta’ kif kien Marsaxlokk, ta’ sajjieda waqt ħidmiethom fuq l-art wara li jkunu ġew lura mis-sajda, ritratti tan-nisa tagħhom bil-kavetti bil-qabdiet ta’ żwieġhom f’xi swieq bħal dawk taż-Żejtun, Raħal Ġdid u postijiet oħrajn. Kemm ikunu sbieħ ritratti bħal dawn bi ftit informazzjoni magħhom, speċjalment ismijiet u laqmijiet.

X’nostalġija! Imma aħjar nieqaf għax l-ispazju hu li hu u l-memorji jqabbżuli wkoll id-dmugħ. Marsaxlokk sabiħ wisq u dak ta’ tfuliti, fl-opinjoni tiegħi, ferm isbaħ mil-lum anke jekk xejn ta’ lussu.

Interessanti li Torri Vendome jmur lura għas-sena 1715/6 fi żmien il-kavallieri ta’ San Ġwann. Kien inbena mill-Prijur ta’ Franza, Philippe de Vendome. Huwa wieħed minn erba’ ridotti ta’ dan it-tip li kienu nbnew biex tissaħħaħ id-difiża tal-kosta Maltija. Il-fatt li huwa l-uniku wieħed li fadal minn tax-xorta tiegħu jkattar l-importanza li nibżgħu għalih. Ix-xogħol ta’ restawr li jrid isir fuqu mhux wieħed żgħir.

Prosit u grazzi lil kull min kien strumentali biex se jsir dan ix-xogħol ta’ restawr.

Ekonomija

Sport