L-investimenti ta’ miljuni ta’ ewro fi spazji ħodor ġodda f’diversi lokalitajiet imxerrdin ma’ pajjiżna, bla dubju qed iġibu bidliet sinjifikanti ambjentali. Dawn minbarra li qed isiru għat-tgawdija tal-pubbliku qed jgħinu wkoll fl-istrateġija li jitnaqqas it-tniġġiż tal-arja li huwa kawża ta’ mard respiratorju.
Il-Gvern ħadem u għadu jaħdem bis-sħiħ f’din id-direzzjoni tant li l-manifest elettorali Laburista inkluda wegħda ta’ 700 miljun ewro għal inizjattivi ambjentali. Din il-proposta ma baqgħetx wegħda biss imma issa bdiet titwettaq fil-konkret.
Il-ħtieġa ta’ dan kollu kienet ilha tinħass f’pajjiżna mhux biss għal dak li hu tisbieħ imma wkoll biex pajjiżna ma jibqax jidher qisu deżert mingħajr siġar.
Għalhekk fost il-prijoritajiet ewlenin f’din il-leġiżlatura ta’ Gvern Laburista, kif imwiegħda fil-manifest elettorali Malta Flimkien, hija t-tħaris tal-ambjent u inizjattivi ġodda f’dan ir-rigward sabiex il-kwalità tal-ħajja tan-nies tkun dejjem aħjar.
Il-ħidma għal titjib fl-ambjent ma bdietx ilbieraħ, imma llum qed tingħata spinta aktar qawwija li qatt ma kien sar bħalha qabel tant li qed jiġu mibdija proġetti ambjentali ġodda. Fil-fatt, huwa ta’ apprezzament li l-Gvern waqqaf l-aġenzija Project Green, biex tkun afdata mill-proġett, kbar u żgħar, ambjentali f’pajjiżna.
Kif kien tħabbar, l-investiment se jkun mifrux fuq medda ta’ seba’ snin biex il-familji Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jgawdu minn aktar spazji ħodor u miftuħa fil-lokalitajiet fejn jgħixu n-nies. Aspett importanti f’dan kollu hu li dawn l-ispazju se jkunu viċin ħafna taċ-ċittadini u li jintlaħqu fi ftit minuti ta’ mixi.
Filwaqt li nfaħħru l-inizjattivi li qed jittieħdu f’dan il-qasam mill-aġenzija Project Green immexxija minn Steve Ellul, taħt l-awspiċi tal-Ministru Miriam Dalli, inħeġġu li dawn l-ispazji ħodor ikunu jinkludu lkoll il-faċilitajiet għall-konnessjoni tal-WiFi.
Nifhmu li dan diġà qed isir f’ċertu spazji qrib istituzzjonijiet edukattivi għall-benefiċċju tal-istudenti, imma nittamaw li dan is-servizz ikun offrut għal kulħadd fil-lokalitajiet kollha jekk huwa possibbli.
Ninsabu fiduċjużi wkoll li t-tmexxija ta’ dawn il-proġetti ambjentali se tara li jintlaħqu l-miri u l-prinċipji ewlenin li huma l-kwalità, il-kollaborazzjoni u s-sostenibbiltà, bil-għan li dan l-investiment jissarraf fi spazji miftuħa tal-ogħla kwalità.
Nemmnu li l-pubbliku jrid jagħti sehmu wkoll biex pajjiżna jkun aktar nadif u mħaddar. U f’dan il-kuntest ukoll il-pubbliku huwa mistenni li jaderixxi mal-iskeda l-ġdida dwar il-ġbir tal-iskart kif suppost.
Minbarra dan, inħeġġu lill-pubbliku biex juru aktar responsabbiltà għaż-żamma u s-sostenibbiltà ta’ dawn il-proġetti li wara kollox jiswew il-flus biex jitwettqu u jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.
Minn hawn ukoll infaħħru l-mod konvinċenti tal-Gvern li wassal lill-Kummissjoni Ewropea tapprova l-fondi lil Malta li parti sostanzjali minnhom se jkunu dedikati għall-ambjent u għat-tħaris tiegħu.
Inħarsu ‘l quddiem għat-twettiq ta’ dawn il-proġetti li l-għan tagħhom huwa li flimkien mat-tħaddir taż-żoni urbani, il-lokalitajiet jingħataw dehra isbaħ u joffru trankwillità għall-kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar, għall-benefiċċju tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.