Thursday, February 6, 2025

INSELLMULEK DUN VICTOR

Aqra wkoll

Malta tilfet ikona fil-qasam soċjali, bit-tħabbira tal-mewt ta’ Mons. Victor Grech, li ħadem ħafna u pijunier f’diversi oqsma ta’ għajnuna għal dawk li kienu dipendenti fuq id-droga. Żgur li huwa se jibqa’ mfakkar bħala l-persuna li waqqaf f’Malta l-Caritas, li sa mill-bidu tagħha għenet mijiet ta’ individwi, nisa u rġiel, li waqgħu f’dan il-vizzju.

Għalhekk bix-xieraq illum insellmu l-memorja tiegħu kif għandu jagħmel kulħadd. Iżda l-ġid soċjali li wettaq pajjiżna ma kienx biss it-twaqqif tal-Caritas imma wkoll lura fis-snin Dun Victor kien imexxi programm fuq il-mezzi tax-xandir li matulu kien jgħin ħafna lil dawk li b’xi mod kienu qed jaffaċċjaw problemi jew diffikultajiet f’ħajjithom.

Is-sehem li ta Dun Victor fil-qasam soċjali saħansitra ġie rikonoxxut mill-awtoritajiet kollha tal-pajjiż inkluż il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Arċisqof.

Għalhekk dan il-ġurnal jaqbel ħafna mal-mod kif esprimiet ruħha l-President ta’ Malta li sostniet li l-poplu kollu għandu jkun grat lejn Dun Victor u jibqa’ jirrikonoxxi l-ħidma tiegħu, partikolarment kif sostna l-Prim Ministru illi permezz tal-Caritas, ħafna persuni ngħata opportunità oħra fil-ħajja tagħhom.

Kien hu li snin ilu semma kif qed tinfirex il-problema tad-droga f’pajjiżna, fosthom kif tfal ta’ għaxra jew 11-il sena kienu diġà qed jesperimentaw biha. Dan wasslu biex jiftaħ saħansitra dar għall-minorenni li jkunu għaddew minn din l-esperjenza hekk kerha.

B’rikonoxximent għal ħidmietu, Dun Victor mhux biss kien ingħata Ġieħ ir-Repubblika, imma wkoll kien rebbieħ tal-Premju Anzjanità Attiva. Minkejja l-età avvanzata tiegħu, li qabżet id-90 sena, Dun Victor baqa’ attiv ferm, anke bil-pariri li kien jagħti lin-nies.

Huwa kien ukoll minn ta’ quddiem biex iħeġġeġ għal aktar rispett lejn l-awtoritajiet. Dan għaliex skont ma kien jgħid, in-nuqqas ta’ rispett iġib problemi fil-familja għax jekk persuna ma tkunx kapaċi tirrispetta lilha nfisha, ikun diffiċli li tirrispetta lil ħaddieħor.

Għalhekk dawn il-kwalitajiet li kien jipposjedi Dun Victor, żgur li ħallew il-marka tagħhom fuq id-diversi sezzjonijiet tal-poplu tagħna. Legat li se jibqa’ magħna għal snin twal li għad iridu jiġu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport