Monday, December 9, 2024

INT, PAJJIŻEK F’IDEJN MIN SE TAFDAH?

Aqra wkoll

L-awtur u kittieb Sud Korean, Haemin Sunim, darba stqarr: “Li tkun kritiku huwa faċli. Imma jekk il-kritiku jipprova jmexxi l-operat, malajr jifhem li xejn mhu faċli daqs il-kritika tiegħu. Il-kritika mingħajr soluzzjoni hija sempliċiment infih tal-ego tal-kritiku.” Kelmtejn għaqlin għal kull min għandu r-rwol ċentrali ta’ oppożizzjoni f’demokrazija.

Kelmtejn li ċertament iġegħluk taħseb fuq dak li tgħid u tagħmel l-Oppożizzjoni Nazzjonalis­ta. Iva għax filwaqt li huwa dritt demokratiku għall-partit immexxi minn Bernard Grech li jikkritika l-Gvern u l-Budget li ġie ppreżentat ġimgħa ilu, il-poplu Malti leġittimament jistenna li l-Oppożizzjoni għandha pjan ċar għal pajjiżna.

Wara kollox, hekk qalilna Bernard Grech, li jinsab ippreparat għall-Elezz­joni Ġenerali li jmiss – tiġi meta tiġi – u għandu kollox lest biex ikun fil-Gvern. Wara kollox wasalna f’nofs triq ta’ leġiżlatura li għandha twassalna għall-elezzjoni li jmiss.

Però din l-aspettativa tiġi fix-xejn, meta joħroġ li minn leak intern mill-Partit Nazzjonalista li d-dokument ta’ qabel il-Budget bit-titlu: Viżjoni Ekonomika biċ-Ċittadin fiċ-Ċentru Tagħha, kien mimli żbalji. Saħansitra kellu miktub “we need to work more on this”. Wisq agħar fuq l-enerġija u l-infrastruttura li tant

il-Partit Nazzjonalista kien kritiku jitlob lil Joe Giglio u lil Ryan Callus: “can you assist me with more beef in this section”. Taqra u tħoss sens ta’ inkredulità u fuq kollox diżappunt. X’jibqa’ fik, int bħala ċittadin li taf qed tara l-Partit Nazzjonalista bħala alternattiva kredibbli biex imex­xi lil paj­jiżna meta tisma u tara dan kollu? X’jibqa’ fik int bħala votant li taf ħsibt għal mument li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun l-għaż­la tiegħek fl-elezzjoni li jmiss? 

Possibbli li wara deċennju fl-Oppożizzjoni u tant tibdiliet fl-ogħla karigi tal-partit, dan hu li jista’ joffri l-Partit Nazzjonalista? Domandi pertinenti b’risposti inkwetanti għax wara kollox pajjiż demokratiku jist­ħoqqlu oppożizzjoni attiva, b’saħħitha u ffukata.

Id-dokument: Viżjoni Ekonomika biċ-Ċittadin fiċ-Ċentru Tagħha żgur ma jispirax u żgur ma jqanqalx sens ta’ serħan il-moħħ.

Din l-ispirazzjoni tkompli tixxejjen wara l-intervent ta’ Bernard Grech nhar it-Tnejn fil-Parlament.

Attakk wara l-ieħor mingħajr soluzzjonijiet u ideat tanġibbli. Duħħan mingħajr viżjoni ċara għal dak li hu l-pass li jmiss għal pajjiżna. Din l-ispirazzjoni tixxejjen kompletament wara l-intervent tal-Prim Ministru lbieraħ. Intervent ċar, konċiż u bi pjan għal fejn irridu mmorru illum u wisq aktar għada. Intervent realista għal dawk li huma l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna.

Int, ċittadin isma, aqra, aħseb u fuq kollox agħżel sew.

Ekonomija

Sport