Wednesday, April 24, 2024

Intervista mal-player tal-Futsal Giancarlo Sammut

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-futsal?

Kif jgħidu bl-Ingliz ‘It was love at first sight!’ 

Sal etá ta’ 16 -il sena kont għadni qatt ma smajt bil-logħba tal-futsal! Ma­dankollu wara li kont intgħażilt biex nifforma parti mill-iskwadra nazzjonali ta’ Malta għal-Logħob tal-FISEC, tħajjart nibda nipprova nilgħab din il-logħba. 

Inħoss li din il-logħba kienet ta’ għajnuna kbira għalija speċjalment f’dik tal-football fejn wara ftit taż-żmien bdejt nilghab fil-Kampjonat Premier ma’ Mosta.  

Fl-aħħar wasalt biex nagħmel l-għażla bejn il- football u l-futsal peress li ma bdejtx inlaħħaq mat- tnejn u ddeċidejt li nkompli bil-futsal. Issa ilni nil­għab futsal għal dawn l-aħħar disa’ snin. 

X’wasslek biex tagħmel id-deċiżjoni li tmur barra minn xtutna biex tilghab il-futsal u kif tħossok li int proprju l-ewwel player Malti tal-futsal li rnexxielu jilgħab barra minn Malta? 

Wara li flimkien mat-team ta’ Luxol St Andrew’s irbaħna il-kampjonat Malti tal-futsal għat-tielet sena konsekuttiva u għall-ħa­mes darba fuq livell personali fil-karriera tiegħi, ħassejt li għandi nipprova nagħmel xi ħaġa differenti biex nagħti sfida lili nnifsi.

Minn meta kont żgħir, minn dejjem kelli l-ħolma li nilgħab barra minn xtutna u meta ġieni ċ-ċans, ma stajtx ma naċċettax, speċjalment meta team mill-ogħla divizjoni tal- Polonja xtaq is-servizzi tiegħi.  

Inħossni onorat li jien l-ewwel player Malti tal-futsal li rnexxieli mmur nilgħab professjonalment il-futsal barra minn pajjiżna. 

Għamilt ħafna snin naħdem biex nasal f’din il-pożizzjoni u kien hemm ħafna mumenti diffiċli u ta’ sagrifiċċji. 

Din id-deċiżjoni xejn ma kienet faċli għalija għax ovvjament ħallejt warajja lit-tfajla tiegħi Sophie kif ukoll lill-familja tiegħi. 

Xi kultant ikun hemm mumenti ta’ solitudni iżda lest li nibqa’ niġġieled sal-aħħar u m’iniex se naqta’ qalbi faċilment. Il-fatt li wara ħafna taħriġ fil-gym kif ukoll mat-team wassalni f’dal-punt, iktar jagħtini determinazzjoni li naħdem iżjed biex dejjem insir aħjar.

L-esperjenza tiegħi hawn­hekk fil-Polonja s’issa kienet waħda tajba. Irnexxieli nidħol tajjeb fit-team ta’ Lebork u qed nilgħab regolarment fil-logħob tal-kampjonat domestiku, fejn saħansitra rnexxieli niskorja fl-ewwel logħba tiegħi kontra Gdansk. 

Iktar riċenti irnexxielna niksbu rebħa ferm importanti ta’ 4-3 barra minn darna fejn biex naslu għal din il-logħba kellna nagħmlu vjaġġ ta’ seba’ sigħat!  

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek mat-team nazzjonali tal-futsal?

Huwa dejjem unur kbir li tkun mgħajjat mat-team nazzjonali, hu x’inhu l-isport. 

Niftakar l-ewwel darba li kont mgħajjat man-naz­zjonal kien fl-2013 fejn konna lgħabna tournament triangolari kontra Georgia u l-Ingilterra. 

Għal min bħali ilu fix-xena tal-futsal, żgur se jaqbel miegħi kemm il-livell tal-futsal Malti għamel passi ta’ ġgant ‘il quddiem. 

Meta lgħabna fit-tournament ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew, bla dubju urejna l-progress li sar f’dawn l-aħħar snin fejn ksibna l-ewwel punt fl-istorja tat-team nazzjonali Malti fil-futsal. Kellna grupp ferm difficli li kien jinkludi l-Polonja, l-Isvezja u l-Greċja. 

Riċentement, morna wkoll il- Kroazja għal training camp fejn lgħabna f’tournament kontra  timi­jiet ta’ livell għoli fejn irnexxielna noħorġu b’sitt punti wara li rbaħna kontra Montenegro u San Marino. 

Minn issa diġá qegħdin nippreparaw ruħna għat- tournament ta’ kwalifikaz­zjoni għat-Tazza tad-Dinja li se jsir f’April 2022 b’numru ta’ logħob ta’ ħbiberija u training camps.

Fuq nota personali, hija opportunitá ferm sabiħa għalija li għalkemm qie­għed nilgħab barra minn xtutna u xorta waħda għandi l-opportunitá li nkun mat-team nazzjonali Malti għal dawn il-logħbiet. 

X’tikkummenta fuq il-coach tat-team nazzjonali, Zeljko Anicic?

Zeljko żgur li m’għandux bżonn ta’ introduzzjoni fix-xena tal-futsal lokali.

Barra li huwa coach ta’ stoffa, huwa wkoll bnie­dem umli u ħabrieki li dejjem jirnexxielu joħroġ l-aqwa mill-players li jkollu taħt idejh. 

Nemmen li sakemm jibqa’ fir-riedni tat-team nazzjonali Malti, bħala team żgur se mmorru ‘l quddiem … u min jaf forsi xi darba jirnexxielna naq­bżu round ta’ kwalifikaz­zjoni jekk tidħkilna ftit il-polza. 

Minbarra li huwa coach tajjeb, Zeljko kien player tajjeb ħafna fejn meta kont għadni nibda l-futsal kien għadu jilgħab ma’ Balzan u għamilna żmien nilagħbu flimkien fejn anke rbaħna l-kampjonat. 

Nixtieq ukoll nieħu din l-opportunitá biex minbarra li nirringrazzja lil Zeljko Anicic u lil Carlo Scicluna għas-sapport kontinwu tagħ­hom, irrid nirringraz­zja wkoll lil Mark Marlow li bil-ħidma kontinwa tiegħu, stajt nara titjib kbir fl-apparat li qed ningħataw biex nitrejnjaw bih fit- training sessions tagħna.

Qed ikollna wkoll ħafna iktar logħbiet ta’ ħbiberija u tournaments internazzjo­nali fejn nistghu nikkompetu mal-aqwa timijiet fl-Ewropa. 

… u fuq l-ex coach Gab­riel Dobre?

Gabriel Dobre ukoll m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-Futsal Malti peress li ilu ħafna snin kemm bħala player kif ukoll bħala coach.

Meta kont bdejt il-futsal, bdejt nilgħab mat-team ta’ Tarxien fejn hu kien player/coach. Imbagħad, imxejt miegħu ma’ Balzan u wara mal-Luxol. 

Dobre kien fundamentali għall-karriera tiegħi tal-futsal fejn taħt il-gwida tiegħu tgħallimt nilgħab din il-logħba ferm sabiħa.

Huwa bniedem li ssibu dejjem lest biex jgħinek, anke jekk tkun xi ħaġa mhux relatata mal-futsal.

Nemmen li Dobre ħalla impatt kbir fil-futsal Malti fejn bl-esperjenza u bil- kapaċitá tiegħu rnexxielu kemm jattira players ta’ li­vell internazzjonali biex jiġu Malta, kif ukoll ta l-kunfidenza lill-players Maltin biex joħorġu iktar il-kapaċitajiet tagħhom. 

Kemm tħoss li huwa importanti l-isport fil-ħajja tal-bniedem?

Inħoss li l-isport huwa fundamentali għall-bnie­dem kemm mill-aspett fiżiku kif ukoll dak mentali.

L-isport jgħin lill-bni­e­dem inaqqas l-istress kif ukoll itejjeb il-burdata tal-individwu. 

Personalment kull darba li nagħmel xi tip ta’ sport, jekk inkun għaddej minn xi tip ta’ problema jew stress, malli nidħol fil-ground, qisni nidħol f’dinja oħra fejn moħħi jkun biss iffukat fuq l-eżerċiz­zju. 

Personalment ma nistax nimmaġina kif kienet tkun ħajti li kieku l-ġenituri tiegħi ma kinux ħaduni biex nagħti l-ewwel daqqa lill-ballun tal-football meta kien għad kelli biss sitt snin. 

Nixtieq nieħu din l-opportunitá biex nirringraz­zjahom ta’ kemm-il darba ħaduni għas-sessjonijiet t’a taħriġ u tal-paċenzja li ħadu bija biex wasalt fejn wasalt illum. 

Ninsab ċert li mingħajr­hom u mingħajr iz-zija tiegħi u n-nannu u l-edukazzjoni li tawni, illum il-ġurnata, ma kontx inkun f’din il-pożizzjoni li ninsab fiha. 

Sport