Saturday, December 21, 2024

Introdott l-irwol ta’ Police Patrol and Community Support Officers

Aqra wkoll

Qed tiġi implimentata miżura ewlenija tal-budget għas-sena 2024 u li tkompli tissaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija fil-komunità, bl-introduzzjoni tal-irwol ta’ Police Patrol and Community Support Officer. Miżura li tingħaqad mal-isforzi ta’ dan il-gvern biex issaħħaħ il-pulizija fil-komunità, bl-għan li l-Korp tal-Pulizija jkun preżenti fost in-nies, jitkellem magħhom, jissorvelja t-toroq u l-preżenza isservi wkoll ta’ deterrent.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri sostna li din hija l-istrateġija tal-gvern għal Malta aktar sigura bi preżenza akbar tal-pulizija, fejn jgħixu, jaħdmu u jiddevertu l-familji. Għalhekk, tenna, li l-Police Patrol and Community Support Officer, li għandu inqas poteri minn pulizija bil-ġurament, simili għall-irwol fir-Renju Unit, huwa rwol b’saħħtu. Dan għax se jkun qiegħed jassisti lill-pulizija tad-distrett u għalhekk il-preżenza fit-toroq ser tkun qed tiżdied.

Il-Ministru appella biex dawk li jridu jikkontribwixxu għal Malta aktar sigura, u jkunu ta’ servizz għall-pajjiż, jersqu ’l quddiem sabiex jagħżlu din il-karriera. Bis-sejħa għal dawn l-uffiċjali fetħet il-Ġimgħa u għandha miftuħa sal-Ġimgħa 22 ta’ Novembru u tista’ tiġi aċċessata minn din il-link: https://bit.ly/3A48OAa.

Din is-sejħa, fi kliem il-Ministru Camilleri, ser tipprovdi wkoll opportunità ta’ karriera, fejn wara ftit snin ta’ esperjenza wieħed ikun jista’ jieħu anke t-triq li jsir pulizija bil-ġurament.

“Dan hu pass naturali wara li llum għandna l-pulizija tal-komunità mifruxa mal-pajjiż kollu.  Fl-istess ħin ser inkomplu nwettqu proġett ta’ rinnovazzjoni, ma jaqta’ xejn, fuq l-għases tagħna. Qed naraw anke għases li għal snin twal kienu magħluqa, jinbidlu għal uffiċini tal-pulizija tal-komunità, li jfissru ħaġa waħda, aktar preżenza tal-pulizija fil-komunitajiet tagħna,” qal il-Ministru.

Huwa kkonkluda li r-riżultati tal-politika ta’ dan il-gvern fejn tidħol sigurtà tal-pajjiż, qegħdin jgħixuhom in-nies, u dan jidher ukoll biċ-ċar fil-livell ta’ fiduċja li għandhom fil-pulizija.

Ekonomija

Sport