Thursday, December 19, 2024

INUGWALJANZI SOĊJALI

Aqra wkoll

Qed jiżdied sens ta’ frustrazzjoni fost uħud dwar kif jitħarsu u ma jitħarsux
liġijiet u regolamenti. Donnu li ta’ spiss jeżisti trattament li jgħodd u jinżamm maż-“żgħar” u ieħor mal-“kbar”. Jinħass minn kif jiġu applikati r-regoli tal-hekk imsejjaħ ippjanar, tal-liġijiet tat-traffiku, l-għoti ta’ kuntratti kbar u ċkejkna, u l-agħar – fil-proċessi tal-qrati.

Il-biċċa tmur lil hinn mill-kwistjoni sempiterna tal-ħbieb tal-ħbieb. Bħal teżisti ġerarkija soċjali (?) li tixbah dik tal-imgħoddi, bin-nobbli fuq u l-plebej isfel. U dan
waqt li t-tmexxija ta’ stil neo-liberali baqgħet tinfirex meta teorikament kellha twassal għar-riżultat oppost. Forsi mhux fi gżira żgħira u dejjem aktar iffullata … Barra mill-plebej tagħha, qed timporta ħafna barranin li fil-veru sens tal-kelma saru dawk li fi żminijiet oħra, minn lenti marksista, konna nsejħulhom il-lumpenproletarjat.

Meta jingħaqdu flimkien, l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali jista’ jkollhom konsegwenzi splussivi.

DIXXIPLINA

Ħaġa naturali li kulħadd irid id-dixxiplina sakemm ma tirrigwardahx. L-agħar effett ta’ das-sentiment hu li jdaħħal laxkezza f’kif isiru l-affarijiet. Meta din tinfirex iżżejjed jiġru traġedji kbar, bħal fl-isplużjoni li seħħet sentejn ilu dax-xahar f’Bejrut, wara li xi 3,000 tunnellata ta’ nitrat tal-ammonju tħallew għal snin twal maħżuna fil-port. Mietu aktar minn mitejn ruħ, indarbu mas-7,000 u kważi terz ta’ miljun ruħ sfaw bla dar.

Hu għalhekk li għandna ninkwetaw meta ninnotaw li l-applikazzjoni tad-dixxiplina fostna qed titħalla tiżżerzaq. Jew meta titħaddem b’mod sproporzjonat. B’hekk
tieħu fama ħażina li tinkoraġġixxi l-isforzi biex tiġi injorata.

Allaħares kellna naslu għal-livelli ta’ traskuraġni li jidher li kellhom b’Bejrut.
L-importanti jibqa’ li dwar id-dixxiplina tinżamm viġilanza sħiħa, intelliġenti, mhux għamja.

IDENTITY MALTA

Xejn ma jaqbel li nsemmu biss il-ħażin f’li jkun qed jiġri madwarna, anke jekk
il-kritika sservi biex dak li jkun mgħawweġ jiddritta. Imma dak li jkun qed isir sew għandu wkoll jissemma b’tifħir.

Fl-aħħar ġimgħa kelli nagħmel passaport ġdid – biċċa xogħol li matul is-snin, dejjem kienet proċess ftit jew wisq komplikat. Mhux did-darba, anke jekk kibru ċerti formalitajiet tekniċi li jridu jiddaħħlu fil-passaport, fosthom it-teħid doppju ta’ marki tas-swaba.

Tagħmel appuntament minn qabel. Fil-post il-Marsa fejn jinsab l-uffiċċju,
issib tipparkja – talanqas jien sibt. Staff effiċjenti li jilqgħek u jżomm bl-eżatt il-ħin tal-appuntament. Ir-reġistrazzjoni ta’ ritratt, informazzjoni, ħlas isiru bla tnikkir. Tingħata appuntament ieħor għal meta tista’ tmur tiġbor il-passaport. Mill-ġdid, dan isir bla tiġbid, fil-ħin u bl-akbar kortesija.

Kien żgur l-aħħar passaport tiegħi. U l-aktar wieħed li nħareġ fuq ir-rubini.

Prosit Identity Malta u l-istaff tagħha.

Ekonomija

Sport